Imut il-Maġistrat Saviour Demicoli, fl-età ta’ 60 sena

“Kien persuna straordinarja: qalbu tajba, onest u ġust” – Owen Bonnici

Il-Maġistrat Saviour Demicoli, li kien ilu jservi fil-Qrati ta’ Malta sa mill-1994, miet aktar kmieni llum fl-età ta’ 60 sena, minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici, ħabbar il-mewt tal-Maġistrat Demicoli permezz ta’ tweet li fih qal li “Kien persuna straordinarja: qalbu tajba, onest u ġust”

Il-Partit Nazzjonalista sellem ukoll il-memorja tal-Maġistrat Saviour Demicoli li ġie mfaħħar li dejjem qeda’ dmiru b’rettezza u sens kbir ta’ lealtà lejn il-ġurament li ħa.

Il-Maġistrat Demicoli ġie msellem għall-integrità, l-onestà u s-serjetà tiegħu, hekk kif dejjem qeda dmiru anke fl-aktar żminijiet diffiċli ta’ ħajtu.

Demicoli twieled fi Frar tal-1956, gradwa bħala Nutar mill-Università ta’ Malta fl-1982, u sentejn wara mbgħad gradwa wkoll bħala avukat.

Huwa beda jipprattika bħala avukat sa mill-1984 u wara żmien qasir inħatar bħala assistent gudizzjarju fil-Qorti Suprema. Demicoli nħatar bħala Maġistrat fl-1994.

Demicoli kien ukoll jgħallem il-kriminoloġija fl-akkademja tal-Pulizija u l-liġijiet tal-ġustizzja tal-UE fl-Università ta’ Malta. Huwa serva wkoll bħala eżaminatur u għalliem tal-liġi kriminali u l-liġi Ewropea fil-fakultà tal-liġi.

More in Qrati u Pulizija