Massimu ta’ sena ħabs u multa ta’ €3,000 għal min jinqabad isuq fis-sakra

Bħala parti mill-emendi tal-liġijiet tat-traffiku, il-pieni għal min jinqabad isuq taħt l-effett tal-alkoħol se jiżdiedu b’mod konsiderevoli

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament, li saret ilbieraħ filgħaxija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici ppreżenta l-ewwel qari ta’ abbozz ta’ liġi li se jemenda l-liġijiet relatati mat-traffiku, sabiex insaħħu s-sigurtà fit-toroq ħabbar, li l-ewwel bidla se tkun li bis-saħħa ta’ dawn l-emendi kif proposti, il-pieni għal min isuq taħt l-effett tal-alkoħol se jkunu qed jiħraxu.

Fil-fatt, f’każ li persuna tinqabad issuq taħt l-effett tal-alkoħol għall-ewwel darba, il-piena se togħla minn multa ta’ €1,200 jew sa tliet xhur ħabs għal multa ta’ €1,800, jew sa massimu ta’ sitt xhur ħabs. Barra minn hekk, jekk persuna terġa’ tagħmel din il-kontravenzjoni għal darbtejn jew iktar, il-piena se togħla minn multa ta’ €2,329.37 jew sa sitt xhur ħabs għal multa ta’ €3,000 jew sa massimu ta’ sena ħabs

Il-Ministru Bonnici spjega wkoll li l-Qorti se tingħata s-setgħa li tqiegħed lill-ħati taħt ordni ta’ probation u li tordnalu jattendi programm ta’ riabilitazzjoni għall-ispejjeż tiegħu, u/jew li timponi ordni ta’ servizz fil-komunità taħt l-Att dwar il-Probation.

Barra minn hekk, il-Ministru qal li t-tielet bidla hi li tidħol sistema ġdida ta’ limiti ta’ alkoħol permessibbli fis-sewqan, li mill-iktar waħda ġeneruża fl-Unjoni Ewropea se tkun qed tersaq aktar viċin il-medja tal-istandards Ewropej. Se ssir distinzjoni bejn sewwieqa ta’ vetturi għall-użu privat, sewwieqa ta’ vetturi kummerċjali, sewwieqa ta’ karozzi tal-linja, coaches u vetturi oħra li jġorru passiġġieri bi ħlas, u sewqan minn sewwieqa li jkun għad għandhom liċenzja tas-sewqan bi prova. Sabiex ikun hemm l-aħjar sigurtà, mhux se jkun permessibbli l-ebda livell ta’ alkoħol dwar sewqan jew tentattiv ta’ sewqan ta’ karozzi tal-linja, coaches u vetturi oħra li jġorru passiġġieri bi ħlas.

Sabiex ikun hemm aktar infurzar, Bonnici spjega li din il-liġi se tagħti s-setgħa lill-gwardjani lokali li jagħmlu testijiet tan-nifs, jiġifieri l-breathalyzer test, meta jkollhom suspett raġonevoli li l-proporzjon ta’ alkoħol fid-demm ta’ dik il-persuna jkun iżjed mil-limitu preskritt u dan sal-istadju li tissejjaħ il-Pulizija. Din hija r-raba’ bidla.

Barra minn hekk, Bonnici qal li se jogħlew ukoll il-pieni għal min isuq bla liċenzja jew għal min jagħmel użu min-numri li ma jkunux tal-vettura.

Minbarra dan l-abbozz, se jkun hemm leġiżlazzjoni sussidjarja li permezz tagħha, meta jinkisru ċerti regoli serji tat-traffiku, is-sistema ta’ punti fuq il-liċenzja tas-sewqan se tiġi estiża għas-sewwieqa kollha minflok għas-sewwieqa bi prova biss, bl-aktar reati serji jġorru magħhom l-aktar punti. Fost dawn insibu qtil konsegwenza ta’ sewqan perikoluż, użu ta’ mobile phone waqt is-sewqan u f’każ li wieħed ma jiqafx wara inċident, jiġifieri każijiet ta’ hit-and-run.

Kull sewwieq li matul perjodu ta’ tnax-il xahar jeħel mill-anqas tnax-il punt ta’ penali, ikollu l-liċenzja revokata u jkun jista’ jakkwista liċenzja oħra biss skont ċerti regoli li jagħmlu distinzjoni bejn sewwieqa li jeħlu l-ewwel revoka u aktar minn waħda. 

Madanakollu, il-Ministru saħaq dwar l-importanza tal-edukazzjoni lis-sewwieqa. Fil-fatt, fl-abbozz hemm propost li jekk sewwieq jattendi kors dwar l-attenzjoni għas-sigurtà fit-triq, approvat mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta, il-punti penali mniżżla fuq il-liċenzja jitnaqqsu bin-nofs. Dan il-kors se jkun jista’ jittieħed darba kull sentejn sabiex isir b’mod effettiv.

Il-Ministru Bonnici temm jgħid li din il-liġi se sservi bħala deterrent għas-sewwieqa u fl-istess waqt issaħħaħ is-sigurtà fit-toroq bil-għan li jonqsu l-vittmi.

More in Qrati u Pulizija