Sewwieq li ħabat f’ħames karozzi kien ‘taħt l-influwenza’, imma mhux tal-alkoħol

Żagħżugħ Somalu li fl-ewwel tas-sena ħabat ġo ħames karozzi jidher li filwaqt li ma kienx fis-sakra, kien ‘taħt l-influwenza’ ta' xi sustanza oħra

Ritratt : Arkivji
Ritratt : Arkivji

Kmieni filgħodu f’jum l-ewwel tas-sena, żagħżugħ Somalu ta’ 19-il sena ħabat ġo ħames karozzi f’San Ġwann waqt li kien ‘taħt l-influenza, iżda wara nstab li ma’ kienx legalment fis-sakra iżda taħt l-influenza ta’ ‘xi ħaġa oħra’.

Abdimajid Noor Ismael ġie mtella’ dalgħodu l-Qorti quddiem l-Imħallef Antonio Micallef Trigona, akkużat b’sewqan perikoluż, u ħames akkużi li volontarjament ikkawża ħsara fuq proprejtà ta’ ħaddieħor. Ismael kien akkużat ukoll kkawża ħsarat f’xi kanen tal-ilma fi blokka appartamenti f’San Gwann u li seraq ‘mobile-phone’.

L-ispettur Matthew Spagnol spjega fil-Qorti li meta sar l-eżami tal-‘ breathalyzer’ fuq iż-żagħżugħ, dan instab taħt il-livell legali ta’ alkoħol permess għas-sewqan, iżda li kien hemm suspetti serji li kien taħt l-influenza ta’ xi sustanza oħra, anke peress li Ismael ma ftakarx dak li kien għamel.

Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. L-avukat tiegħu, Josette Sultana, talbet il-ħelsien mill-arrest, hekk kif appellat biex l-akkużat ma jitlifx l-imjieġ li għandu, u li huwa għandu indirizz fiss u l-karozza li biha kien involut fl-inċident hija proprjetà tiegħu.

Il-Qorti aċċettat it-talba, wara li l-prosekuzzjoni infurmat il-Qorti li l-akkużat kien ikun ta’ spiss fiż-żona fejn seħħ l-inċident, għax mid-dehra xi ħabib tiegħu joqgħod fil-viċin. L-ispettur sostna wkoll li s-Somali “ta’ spiss jibdel l-indirizz fejn joqgħod”.

L-akkużat inħeles fuq garanzija personali ta’ €1000 u ġie ordnat biex iħalli l-passaport u l-karta tal-identità tiegħu il-Qorti u biex jirreġistra darbtejn f’ġimgħa.

More in Qrati u Pulizija