87 pillola ecstacy u 8 grammi kokaina misjuba fuq ġuvni ta’ 19-il sena

Ġuvni ta’ 19-il sena jiċħad li l-87 pillola ecstacy u l-kokaina li nstabet fuqu f’lejlet l-ewwel tas-sena kienu se jiġu "mqassma"...

Ġuvni ta’ 19-il sena minn San Pawl il-Baħar, tressaq il-Qorti aktar kmieni dalgħodu wara li f’lejlet l-ewwel tas-sena ġie arrestat f’Paceville b’87 pillola ecstacy fil-pussess tiegħu.

L-akkużat, Julian Bonnici, deher quddiem l-Imħallef Antonio Micallef Trigona, akkużat b’pussess ta’ ecstacy u kokaina, li indikaw, anke mill-ammont li nstab fuqu, li ma kienux għal użu personali.

Iż-żagħżugħ, li qal li huwa diżokkupat, ġie mixli wkoll b’pussess ta’ kannabis.

L-Ispettur Jonathan Cassar, spjega kif l-akkużat ġie arrestat wara li telaq minn ġo bar f’Paceville u nstab fil-pussess ta’ 87 pillola ecstacy u madwar 8 grammi kokaina, li kienu “lesti biex jiġu mqassma”. L-ispettur Cassar żied jgħid li malli lemaħ lill-Pulizija, Bonniċi deher jarmi l-kokaina. Mal-arrest iż-żagħżugħ ċaħad li kellhu x’jaqsam mal-kokaina li nġabret minn mal-art.

Bonnici mhux qiegħed jiġi akkużat bi traffikar ta’ droga minħabba li fil-mument tal-arrest tiegħu, ma kien għadu biegħ xejn

Minkejja l-affermazzjoni taż-żagħżugħ li huwa kien biss jagħmel użu mill-kannabis, tfittxija fid-dar tal-akkużat irriżultat fis-sejba ta’ miżien, li l-akkużat saħaq li juża biss biex jaċċerta li l-kannabis li jixtri huwa stess tkun tal-piż u ammont korrett.

L-avukat difensur ta’ Bonnici, Francois Dalli, talab il-ħelsien mill-arrest wara li ż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Iżda t-talba ġiet iriffjutata mill-Qorti fuq bażi li l-akkużat mhux affidabbli. “Affarijiet bħal dawn, għandhom tendenza jerġgħu jiġru...” stqarr l-Imħallef.

More in Qrati u Pulizija