Rumen jeħel seba xhur ħabs talli seraq mobile minn paceville

Il-qorti ddeċidiet li dan hu wieħed minn dawk li jiġru madwar l-Ewropa jisirqu lit-Turisti

Rumen ta’ 33 sena ngħata sentenza ta' seba xhur ħabs effettivi wara li ammetta li seraq mobile li għandu valur ta’ madwar €1,000 minn ġewwa stabbiliment f'Paceville.

Ir-Rumen ġie arrestat wara li nstab fil-pussess tal-mobile misruq ftit tal-ħin wara li ġrat is-serqa. Flimkien miegħu kien hemm raġel ieħor ta’ 30 sena ta’ nazzjonalita' Rumena.

Wara li l-qorti semgħet u evalwat is-sottomisjonijiet tal-prosekuzzjoni dwar id-danni li qed jiġu kkawżati fuq ċittadini nnoċenti minn dawk li ġew deskritti bħala 'Roaming Organized Criminals' li deliberatament jisirqu affarijiet ta' valur mill-vittmi, speċjalment turisti, iddikjarat li l-aktar piena adattata għandha tkun waħda ta’ ħabs.

Konxja mit-tendenza li dejjem qed tiżdiet ta' gruppi mobbli, li jimxu madwar l-Unjoni Ewropea għal raġuni unika li jwettqu dawn it-tipi ta' reati, il-Pulizija riċentament bdiet tagħmel investigazzjonijiet intensivi biex tegħleb dan it-tip ta' reat.

Dan kollu hu possibli grazzi għal deċizzjonijiet imfassla apposta biex jgħinu u jinkoragixxu l-assistenza u t-tixrid ta’ informazzjoni bejn il-Pulizija fl-Istati Membri tal-Unjoni  Ewropea.

 

More in Qrati u Pulizija