Jitkellem wieħed mill-ħallelin bil-kundizzjoni li jingħata l-proklama

Is-Serqa tal-Pagi tat-Tarzna fl-1948 - it-tieni parti

Uħud mill-boroż mimlijin bil-flus li nstabu moħbijin f’għalqa
Uħud mill-boroż mimlijin bil-flus li nstabu moħbijin f’għalqa

Fit-tieni parti dwar is-serqa tal-pagi tal-ħaddiema tat-Tarzna ta’ Malta li ġrat il-Ħamis, 22 ta’ April 1948, se naraw kif wieħed minn dawk involuti kien lest li jitkellem mal-investigaturi jekk jingħata l-proklama. Ieħor ukoll kien lest jitkellem u talab lill-Pulizija biex jagħtu l-protezzjoni lilu u lill-familja tiegħu għax beża’ li kemm hu kif ukoll il-familja tiegħu jkunu fil-periklu. F’dan il-hold-up kienu nsterqu £126,740 (€175,438 kieku kellhom jissarfu llum). 

L-ewwel informazzjoni dwar il-ħallelin

L-investigaturi ħadu l-ewwel nifs meta erbat ijiem wara s-serqa, Pinu Tanti, sid il-karozza li ntużat mill-ħallelin, tkellem mas-Supretendent Manwel Calleja u qallu li kien lest jgħidlu min wettaq is-serqa kemm-il darba jagħtih protezzjoni kemm lilu, kif ukoll lill-familja tiegħu. 

Il-Pulizija Maltija kienu se jagħmlu talba lill-Pulizija Ingliża ta’ Scotland Yard biex jgħinuhom fl-investigazzjonijiet, anke minħabba l-fatt li l-hold-up sar ukoll fuq propjetà tal-Gvern Ingliż u anke fuq baħrin Ingliżi. Iżda meta kellhom lil Tanti f’idejhom li kien lest jitkellem, it-talba twaqqfet.

Tanti stqarr li għaxart ijiem qabel is-serqa kien mar għandu Manwel Cardona minn Ħaż-Żebbuġ li kien magħruf bħala “tal-Mintiera” u qallu biex imur miegħu Ħal Qormi biex ikellmuh sħabu li kienu qegħdin jippjannaw serqa. Waqt din il-laqgħa Cardona talbu l-karozza, Studebaker, u qallu wkoll li kien se jitħallas ta’ dan is-servizz.

Filwaqt li semma min kien preżenti f’din il-laqgħa, Tanti qal li fil-21 ta’ April 1948, ġurnata qabel ir-reat, Cardona kien reġa’ mar ikellmu u qallu li l-għada kienu sejrin għall-karozza, għalhekk kellu jħalli fiha ċ-ċavetta. Dan kompla qal li fit-22 ta’ April 1948 kienu marru għandu Cardona u Ġelardu Cassar, li kien magħruf bħala “il-Ġinġer”, ukoll minn Ħal Qormi u dan tal-aħħar ipponta revolver lejh meta Tanti qallu li ma riedx jagħtihom il-karozza. 

Minbarra Cassar u Cardona, Tanti semma wkoll lil Salvu Fenech li kien magħruf bħala “tan-Nabbu” u lil Ġanni Gambin, li kien magħruf bħala “ta’ Kulajru”, it-tnejn minn Ħaż-Żebbuġ, bħala dawk imdaħħlin fis-serqa.

B’din l-informazzjoni s-Supretendent Calleja ordna li jsiru tfittxijiet fir-residenzi ta’ dawn is-suspettati u peress li Fenech kellu razzett u xi għelieqi fl-inħawi ta’ Tal-Ħlas, limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ. Minnufih il-Pulizija marret fil-post indikat u bdew tfittxijiet intensivi. 

Fost il-postijiet li saru tfittxijiet kienet f’għalqa li kienet madwar 360 metru ’l bogħod mir-razzett ta’ Salvu Fenech. Saru wkoll tfittxijiet f’diversi bjar fl-inħawi.

Minħabba li s-somma tal-flus kienet tinkludi ħafna muniti tal-fidda u ram, il-Pulizija talbu s-servizzi Ingliżi biex isir użu mill-mine  detectors, apparat li jimmarka l-metall, kif ukoll xi membri tal-Bomb Disposal Squad biex jekk dawn il-muniti kienu ntradmu, il-Pulizija tkun taf fejn għandha tħaffer għalihom.

Jibdew jinstabu l-flus

L-ewwel ma nstabu kienu ħafna mill-karti tal-Liri Sterlini, li f’dak iż-żmien kellha valur għoli u kienet ukoll il-munita li kienet tintuża f’Malta qabel daħlet il-Lira Maltija. Fil-fatt il-Lira Maltija ddaħlet bħala l-munita uffiċjali fl-1972. 

…meta s-Supretendent Calleja staqsieh x’ried, Buttigieg qallu li jekk jingħata l-proklama kien lest jgħid kollox

Il-flus kienu fi xkora tal-luna. Aktar tard instabu wkoll il-flus f’muniti. It-tfittxija bdiet tinxtered u saret tfittxija kbira f’razzett li kellu kantina. B’kollox sa tard bil-lejl tat-Tlieta, 27 ta’ April 1948 - ħamest ijiem mis-serqa kien irrappurtat li nstabu aktar min £80,000 mis-somma ta’ £126,740.

Matul illejl tħallew il-Pulizija għassa fl-inħawi ta’ fejn instabu l-flus u l-għada filgħodu kmieni kompliet it-tfittxija madwar razzett fl-inħawi ta’ Tal-Ħlas. Il-Pulizija flimkien mas-suldati Ingliżi komplew iqalbu l-ħamrija fl-inħawi ta’ dan ir-razzett fejn instabu aktar flus, u sad-29 ta’ April kienu nstabu b’kollox £103,950. 

Flimkien ma’ membri tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, il-Pulizija mit-Taqsima tat-Tifi tan-Nar u l-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun, immexxijin mis-Supretendent Bonnici Soler, wara li nstabu xi flus ġabru lil Pawlu Camilleri u ibnu Salvu, it-tnejn minn Ħaż-Żebbuġ. Dawn ittieħdu l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex isirulhom xi mistoqsijiet. Ftit tal-ħin wara kien mar f’Tal-Ħlas l-Ispettur Francis Agius mid-DIK akkumpanjat minn Salvu Camilleri li indika lill-Pulizija fejn kien radam kaxxa bil-flus.

Sadanittant, fir-razzett, il-Pulizija kienet sabet il-machine gun li ntużat fis-serqa.

Baħrin tan-Navy Ingliża jfittxu b’metal detector għall-boroż bil-flus li seta’ kien hemm muniti fihom
Baħrin tan-Navy Ingliża jfittxu b’metal detector għall-boroż bil-flus li seta’ kien hemm muniti fihom

Arrestati dawk involuti

Dawk arrestati kienu Ġeraldu Cassar ta’ 24 sena, Salvu Fenech ukoll ta’ 24 sena, Manwel Cardona ta’ 26 sena, Ġużeppi Cachia ta’ 27 sena, li kien magħruf bħala “ta’ Letanja” minn Ħaż-Żebbuġ, Ġanni Gambin ta’ 31 sena u Ġanni Buttigieg, Għawdxi li kien joqgħod Ħaż-Żebbuġ. 

Għall-ewwel ħadd minhom ma ammetta l-involviment fis-serqa, imma aktar tard Buttigieg stqarr li hu ma kienx lest li jgħid xejn għalxejn u meta s-Supretendent Calleja staqsieh x’ried, Buttigieg qallu li jekk jingħata l-proklama kien lest jgħid kollox. 

Ma’ din l-istqarrija s-Supretendent Calleja informa lis-superjuri tiegħu u wara siegħa u nofs waslet risposta li l-gvern kien lest jagħtih din l-immunità bil-kundizzjoni li jgħid kollox.  

Aktar tard Manwel Cardona tkellem ukoll u qal li kien Ġanni Gambin, li kien xufier it-Tarzna, li kien ippropona din is-serqa. Cardona kompla stqarr li kien hu li dakinhar tas-serqa kien tħalla għassa wara l-bieb tal-Barclays Bank, fil-Belt, u kif tgħabbew il-flus mar jgħid lill-kompliċi tiegħu li kienu qegħdin jistennewh il-Blata l-Bajda.

Pulizija mit-Taqsima tat-Tifi tan-Nar iħaffru f’għalqa li kienet tinsab madwar 360 metru mir-razzett ta’ Salvu Fenech
Pulizija mit-Taqsima tat-Tifi tan-Nar iħaffru f’għalqa li kienet tinsab madwar 360 metru mir-razzett ta’ Salvu Fenech

Wara kien imiss lit-tnejn l-oħrajn biex jitkellmu, u filwaqt li Salvu Fenech stqarr li kien daħal għal din il-biċċa xogħol għax kien fil-bżonn, qal ukoll li kien akkwista l-machine gun meta waqa’ ajruplan tal-gwerra maġenb ir-razzett tagħhom. Fenech qal ukoll li dakinhar tas-serqa kien spara tiri bil-machine gun fl-arja.

Fl-aħħar waslet ukoll l-istqarrija ta’ Gambin. Dan qal li kien Cardona li kien avviċinah u kellmu dwar din is-serqa. Sadanittant il-Pulizija kellha informazzjoni importanti mingħand ċertu Karmnu Bezzina li qal li għaxart ijiem qabel il-każ kien ġie avviċinat minn Ġeraldu Azzopardi biex jieħu sehem fis-serqa, u li kien mar iċ-ċinema ma’ Fenech, Cardona u Cachia, u li qabel daħlu staqsewh jekk riedx imur magħhom “jagħtu salt lit-trakk tal-pagi tat-tarzna.” 

Dakinhar Bezzina ma kienx ta risposta lill-kompliċi l-oħrajn, iżda tlett ijiem wara kien iltaqa’ magħhom fir-razzett ta’ Fenech fejn kienet ippjanata s-serqa u saħansittra kienu ssemmew l-armi li kellhom jintużaw fis-serqa. Bezzina kompla jammetti li aktar tard kellu jiltaqa’ ma’ Buttigieg fil-pjazza tar-raħal imma ma kienx mar, u lejlet is-serqa kien qallu li ma jridx jidħol fis-serqa.

L-ġimgħa d-dieħla tkompli bit-tielet parti

Fil-ħarġa tal-ġimgħa d-dieħla nkomplu bit-tielet parti ta’ din is-serqa fejn naraw meta beda l-ġuri u x’qalu wħud mix-xhieda.

More in Qrati u Pulizija