[FILMAT] Tfajla ta' 17-il sena maqtula mill-pulizija

Wara li attakkat pulizija fl-għassa b’sikkina tal-laħam

Pulizija f’Texas ħarġu filmat tal-mument li adolexxenti ġiet maqtula fil-lobby ta’ għassa tal-pulizija.

Kristiana Coignard kellha 17-il sena meta ġiet feruta għal mewt wara li attakkat pulizija fit-22 ta’ Jannar li għadda fil-belt ta’ Longview.

Il-pulizija qalu li Coignard daħlet Longview Police Department fis-6:28pm u użat it-telefon li hemm fil-lobby biex titlob l-għajnuna. Iżda allagatament hi ma qalitx għaliex riedet l-għajnuna.

Fil-filmat wieħed jista' jara li fil-bini daħal l-uffiċjal Glenn Derr. Skont il-pulizija Coignard qalet lil Derr li kellha pistola u t-tnejn li huma bdew jissieltu biex dan il-pulizija jipprova joħdilha dan ir-revolver. Damu xi ftit jitqabdu ġo xulxin.

Hawnhekk Derr induna li ma kelliex pistola iżda kellha sikkina kbira tal-laħam. F’dan il-ħin daħlu żewġ uffiċjali Gene Duffie u Grace Bagley. Duffie ħareġ it-taser filwaqt li Derr inqala minn mat-tfajla.

Fil-video, Coignard tidher li marret tiġri tattakka lil Derr bis-sikkina li min-naħa tiegħu sparalha meta t-taser ta’ Duffe li reġa' użah ma ħalla l-ebda effett. Hu sparalha tliet filwaqt li l-uffiċjal mara Bagley li kienet għadha dieħla sparatilha darbtejn oħra. Coignard ittieħdet l-isptar u ġiet ċertifikata mejta.

Qed issir investigazzjoni u t-tliet pulizija intalbu joħorġu fuq leave sfurzat. Il-familja ta’ Voignard qed jistaqsu għaliex sparawlha u qed jgħidu li kellha problemi mentali.

Dan il-qitl hu l-aħħar wieħed minn diversi sparaturi u qtil mill-pulizija amerikana. Is-sena l-oħra Michael Brown kien maqtul minn pulizija abjad f’Ferguson. Tfajjel ta’ 12-il sena ġie maqtul minn pulizija f’Ohio u Eric Garner iswed ta’ 43 sena miet wara li pulizija abjad fgah meta qabdu u għafsu minn għonqu.

 

More in Qrati u Pulizija