Il-qattiel seta’ kien informat bil-ħin opportun biex joqtlu

Il-qtil ta’ għassies f’Ħad-Dingli fl-1993 mis-sensiela qtil mhux solvut f'Malta

Il-vittma - Maurice Seguna
Il-vittma - Maurice Seguna

Maurice Seguna nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar sparati mill-qrib f’każ li l-Pulizija ma eskludietx it-teżi ta’ omiċidju li sar b’vendetta, għalkemm s’issa għadu mhux magħruf b’mod uffiċjali għalfejn kienet din il-vendetta. Dan l-omiċidju seħħ nhar is-Sibt, 12 ta’ Ġunju 1993, aktar minn 21 sena u seba’ xhur ilu, meta Seguna kien xogħol bħala għassies fiċ-Ċentru tal-Computers tal-Gvern tas-Swatar f’Ħad Dingli.

Seguna kellu 32 sena meta nqatel. Huwa kien miżżewweġ lil Rita minn Ħaż-Żebbuġ u kellhom tifel li dakinhar li nqatel Maurice binhom kien għadu tifel ta’ erba’ snin u tmin xhur.

Il-qattiel seta’ kellu informazzjoni minn ġewwa

Għal xi żmien Seguna kien membru tal-Forzi Armati iżda meta nqatel kien fl-Awżiljari. Huwa nqatel bi tliet tiri ta’ senter sparati mill-qrib. 

Għaddew aktar minn 21 sena u għalkemm għad hawn min jemmen li l-Pulizija kienu viċin ħafna li jsolvu dan il-każ, s’issa qatt ma kellhom dik il-prova biżżejjed biex iressqu lil xi ħadd quddiem il-ġustizzja.

Min ried joqtol lil Seguna jew kien ilu jsegwi l-passi tiegħu u studja sew il-movimenti kemm ta’ Seguna kif ukoll ta’ kollegi li jinzertaw ikunu xogħol ukoll, jew inkella l-qattiel kellu informazzjoni minn ġewwa fi xħin Seguna jkun waħdu fil-kamra żgħira li jkun fiha għassa fid-daħla taċ-ċentru.

Il-każ seħħ f’nofs Ġunju u kienet lejla sħuna, għaldaqstant Seguna kien barra l-kamra żgħira li kienet tintuża biss mis-suldati li jkunu għassa. Fuq barra qrib il-bieb kien hemm siġġu li kienu joħorġuh biex joqogħdu fuqu anke billejl. Dan kien siġġu antik bis-seat imqatta’, iżda kien biżżejjed biex iservi lis-suldati. 

Għall-ħabta tal-11.15pm Maurice Seguna kien barra l-kamra, x’aktarx bilqiegħda. Ftit tal-ħin qabel kien hemm suldat ieħor miegħu li, kif kienet ir-rutina, mar jagħmel ronda madwar il-bini taċ-ċentru.

Il-qattiel kien b’vann jew LandRover  

Għalkemm kien hemm aktar minn teżi waħda kif inqatel Seguna, minn informazzjoni li komplejt niġbor irriżulta li l-qattiel mar fuq il-post b’vettura, x’aktarx vann jew LandRover għolja u li l-vettura kienet minn dawk bl-isteering fuq ix-xellug. Il-qattiel ġie minn Triq Santa Katerina, saq bid-dawl mitfi biex ma jagħtix fil-għajn fit-trejqa dejqa li ftit li xejn kellha dawl. Huwa waqaf ftit qabel il-barrier tal-ħadid li kien hemm qrib il-kamra fejn kien hemm Seguna. Kif Seguna resaq lejn il-vettura, il-qattiel ħareġ il-parti tal-kanna tas-senter mit-tieqa u spara l-ewwel żewġ tiri mill-qrib lejn Seguna li ntlaqat f’sidru. Kif kien nieżel mal-art għal dahru, il-qattiel spara tir ieħor li laqat lil Seguna f’kuxxtejh u fil-ġenitali. Maurice Seguna spiċċa wiċċu ’l fuq b’feriti gravi ħafna iżda ma mietx mill-ewwel.

Minn hemm il-qattiel saq lejn it-triq prinċipali li hija Triq ir-Rabat u seta’ ħarab jew fuq il-lemin fid-direzzjoni ta’ Ħad-Dingli jew lejn id-direzzjoni opposta lejn ir-Rabat. 

L-espert li kien tqabbad mill-Qorti, il-Brigadier Maurice Calleja, kien ta’ din il-fehma kemm għaliex il-Pulizija qatt ma sabu skrataċ kif ukoll l-angolu ta’ kif ġew sparati t-tiri kien għoli u mhux livell tal-vittma.

L-investigaturi ħadmu wkoll fuq teżi differenti. Kien hemm min jemmen li Seguna sema’ ħsejjes fil-ħaxix u għaldaqstant resaq lejn il-barrier tal-ħadid biex jara jekk kienx hemm xi ħadd wara l-ilqugħ. Kif wasal mal-barrier Seguna ġie wicċ imb wiċċ mal-qattiel li spara żewġ tiri ta’ senter u ieħor kif kien fl-art.

Sieħbu kompla bir-ronda 

Jidher Seguna ma mietx mill-ewwel iżda għamel xi ħin fl-art f’għadira demm. Persuni li tkellmu miegħi qaluli li kien hemm min ra lil Seguna mitluq fl-art u kien għadu jiċċaqlaq u li dawn il-persuni ċemplu għall-ambulanza u lill-Pulizija. 

X’aktarx li sieħbu, li kien qed jagħmel ir-ronda mal-kumpless, meta sema’ t-tiri wkoll ħaseb li kienu kaċċaturi u kompla bir-ronda tiegħu. Iżda meta wasal qrib il-kamra ra lil Seguna fl-art qrib il-’barrier’ tal-ħadid li kien jintuża biex ma jkunux jistgħu jidħlu l-vetturi. 

Marru l-Pulizija u fizzjali tal-Armata

Kif il-Pulizija saru jafu li kien hemm sparatura u li xi ħadd seta’ nqatel qrib iċ-Ċentru tal-Computers tal-Gvern f’Ħad-Dingli, l-ewwel ma wasal fuq il-post kien l-Ispettur Pawlu Sammut mid-Dipartiment tal-Investigazzjonjiet Kriminali flimkien mas-surġent li kien miegħu. Huma waslu fi ftit minuti peress li dak il-ħin kienu fl-inħawi fuq ronda.

Aktar tard bdew jaslu aktar Pulizija fosthom dawk tad-Distrett immexxijin mill-eks-Spettur Gaetano Walker. Pulizija oħrajn li marru kienu Joe Cachia, dak iż-żmien kien Supretendent u llum il-Kap Kmandant tal-Akkademja tal-Pulizija, kif ukoll dawk mid-Dipartiment tal-Investigazzjonjiet Kriminali fosthom l-eks-Spetturi Pawlu Sammut u Emanuel Cassar. 

Peress li l-post kien ikun hemm għassa wkoll is-suldati, marru l-Aġent Kmandant ta’ dak iż-żmien il-Kurunell Claude Gaffiero, il-Kurunell Raphael Farrugia u l-Kaptan Pierre Vassallo li llum huwa Kurunell.

Il-Maġistrat Inkwerenti, Dr Noel Cuschieri, mexxa l-aċċess fuq il-post tar-reat u ħatar diversi esperti tal-Qorti fosthom lil Dr Anthony Abela Medici, lill-Brigadier Maurice Calleja u lill-Perit Richard Aquilina.

Mill-eżamijiet ballistiċi u eżamijiet forensiċi kien irriżulta li l-iskrataċ li ntużaw kienu modifikati b’tali mod biex iċ-ċomb ma jinferix u jkun aktar ikkonċentrat b’konsegwenza li t-tiri jagħmlu ħafna aktar ħsara.

Infurmata l-familja 

Kienu ftit wara s-1am meta Leli u Antonia Seguna, il-ġenituri ta’ Maurice, semgħu taħbita mal-bieb. Mhux ħin li s-soltu jmur xi ħadd għandhom u kif Leli ttawwal mill-gallarija u ra brieret tal-Pulizija u ta’ fizzjali tal-Armata, għaddew elf ħsieb minn moħħu. 

Meta fetħilhom u daħlu ġewwa, staqsewh jekk ibnu Maurice kienx xogħol għassa mal-Computer Centre f’Ħad-Dingli. Kif sema’ hekk, qalb Leli bdiet tħabbat aktar mis-soltu. Antonia wkoll bdiet tinkwieta iżda biex ma jtuhomx xokk, kemm il-Pulizija kif ukoll l-uffiċjal tal-Armata qalulhom li kien qiegħed l-isptar. L-omm ħasbet li kien involut f’inċident tat-traffiku jew kien ħa xokk bil-kitla tal-elettriku li kellhom fil-kamra tal-għassa. Leli iżda ma niżlitlux li kien involut f’xi inċident u talabhom jgħidulu l-verità. Dawn ġibduh għalih waħdu u qalulu li jkun aħjar jekk imur magħhom id-Depot tal-Pulizija għax ibnu kien inqatel. 

Aktar tard il-Pulizija wasslu lil Antonio għand Maria fejn mar ukoll binhom l-ieħor, Oreste. Kien hawn li Maria saret taf li ħuha ż-żgħir kien mejjet meta Oreste għamlilha sinjal tas-salib minn wara dahar ommu.

Jiftakar li sema’ ħoss ta’ tliet tiri

Din il-ġimgħa stess tkellimt ma’ raġel li dakinhar li seħħ dan il-qtil kellu 19-il sena u kien għadu joqgħod mal-ġenituri tiegħu fl-inħawi. 

“Naf li kienet lejla sħuna u konna għadna barra għax konna għamilna BBQ. Niftakar li kienu wara l-11pm meta smajna tliet tiri. Imma hemmhekk kienet xi ħaġa normali li tisma’ t-tiri billejl għax kien hemm min imur fl-għelieqi għall-kaċċa tal-fniek.

Esperti tal-Qorti fuq ix-xena tad-delitt. Fuq quddiem Dr Anthony Abela Medici
Esperti tal-Qorti fuq ix-xena tad-delitt. Fuq quddiem Dr Anthony Abela Medici

“Peress li fit-trejqa li tagħti għall-kamra fejn kien il-vittma hemm bozza, ftit tal-ħin wara rajna xi ħaġa skura fl-art u fi ftit minuti bdew ġejjin karozzi tal-Pulizija u anke tal-Forzi Armati,” qalilna s-sors.

Kien hemm min qal li nqatel bi żball

Dakinhar Seguna kien xogħol bħala għassies fiċ-Ċentru tal-Computers tal-Gvern, fejn illum il-post jinsab abbandunat u għalkemm dan l-aħħar il-Ministeru tal-Edukazzjoni indika li għandu pjan li f’dan il-post tinbena skola sekondarja tal-bniet. Jidher, iżda, li għal dan is-sit hemm talba wkoll biex jintuża bħala ċentru ta’ rijabilitazzjoni ta’ żgħażagħ bil-vizzju tad-droga.

Maurice Seguna nqatel kiesaħ u biered waqt li kien xogħol għassa mad-daħla prinċipali tal-Computer Centre. Kien hemm perjodu li kien hemm min jemmen li Seguna nqatel bi żball meta l-qattiel ried jagħmel vendetta minn persuna oħra li kien ikun fl-istess inħawi. 

Fil-ktieb tiegħu “Minn Taħt l-Inċira,” Joe Mifsud kiteb li l-Pulizija kienet waslitilha informazzjoni li xi xhur qabel ma nqatel Seguna, raġel li kien midħla taċ-Ċentru tal-Computers kien immolesta tlett ibniet taħt l-età. Mifsud jgħid fil-ktieb tiegħu li waqt l-investigazzjonijiet tagħhom il-Pulizija ma eskludewx it-teżi li xi missier seta’ mar fuq il-post u ħaseb li kien se jsib lir-raġel li kien immolesta lill-bniet. Iżda wara li spara kien tard wisq biex ikun jaf li fil-fatt Maurice Seguna ma kienx il-persuna li mar biex jagħmel vendetta minnu. Dakinhar Seguna ma kienx liebes uniformi u għaldaqstant faċilment seta’ kien żbaljat ma’ xi ħadd ieħor.

Lil missier Maurice qalulu li xi ħadd ried joqtlu 

Mhux tal-istess fehma kien missier Maurice. Snin ilu missier Maurice kien qal li xi ħadd kien wassallu informazzjoni li kien hemm xi ħadd li ried iqabbad persuni biex joqtlu lil ibnu. 

Il-kamra li kienet tintuża mill-għassiesa, fosthom Seguna
Il-kamra li kienet tintuża mill-għassiesa, fosthom Seguna

Leli Seguna, missier il-vittma, meta kont kellimtu aktar minn disa’ snin ilu kien fetaħ qalbu miegħi u stqarr li wara l-qtil ta’ ibnu kien irċieva telefonata anonima b’leħen ta’ raġel. Dan kien qallu li kien ġie avviċinat minn persuna li riedu joqtol lil Maurice meta dan ikun xogħol f’Ħad-Dingli. Iżda dan irrifjuta. Qallu wkoll li l-istess persuna kien avviċina persuna oħra iżda wkoll irrifjutat. Leli kien għadda din l-informazzjoni lill-Pulizija, iżda kienu qalulu li minkejja li kellhom suspetti fil-persuna indikata ma kellhom ebda provi. 

Investigazzjoni fl-istess ħin meta seħħ il-qtil 

Mingħajr ebda ħjiel ta’ min seta’ kien il-qattiel, l-investigaturi ppruvaw jsibu imqar xhud wieħed biex forsi jaraw xaqq ta’ dawl fit-tarf tal-mina. Għaldaqstant xi jiem wara l-qtil ta’ Seguna, il-Pulizija reġgħu marru fuq il-post fl-istess ħin li seħħ id-delitt, u ċioé għall-ħabta tal-11.15pm. Dakinhar il-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u esperti Forensiċi flimkien mal-esperti tal-Qorti, qagħdu f’postijiet differenti, fosthom anke qrib residenzi faċċata taċ-ċentru. 

Meta kulħadd ħa postu kienu sparati tliet tiri b’senter biex jaraw kif jinstemgħu u jekk fil-fatt kinux sparati aktar minn tliet tiri.

Eżamijiet forensiċi ma jħallux riżultati mixtieqa 

L-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat kienu elevaw il-ħwejjeġ li kien liebes il-vittma meta nqatel u kienu ntbagħtu f’laboratorju speċjalizzat fil-Ġermanja għal analiżi dettaljati, iżda minkejja li damu tliet snin biex waslu lura xorta baqa’ ma taw ebda riżultati pożittivi.

Ġustizzja iva, jaħfru le 

Bħalma nistaqsi lil kull qraba tal-vittmi, anke lil familja ta’ Maurice kont staqsejthom jekk humiex lesti li jaħfru lil min qatel lil Maurice. Ir-risposta kienet spontanja. “Naħfru le u qatt. Min qatel lil Maurice serqilna parti kbira minn ħajjitna li qatt m’aħna se nġibuha lura,” kienet qaltli Maria, oħt Maurice. 

Il-ġusitizzja trid issir, qalli Leli, għalkemm wisq jibza’ li hija diffiċli.

“Donnu qalbu ħebritu” 

Maurice kien iqatta’ ħafna ħin meta ma jkunx xogħol għand il-ġenituri tiegħu u oħtu Maria fil-Marsa. Dakinhar li Seguna nqatel kien lejlet il-festa ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ u billi kien se jkun xogħol ta’ billejl, martu Rita kienet marret flimkien ma’ binhom għand il-familja tagħha. Maria qalet li filgħodu kien mar għandha u aktar tard mar ma’ missieru u ommu sas-Siġġiewi biex jixtru l-fniek. Peress li kien se jkun xogħol billejl u d-dar ma kien hemm ħadd, waranofsinhar kien raqad għand oħtu qabel mar għax-xogħol. 

“Donnu qalbu ħebritu” kienet stqarret miegħi Maria. “Qatt ma kont smajtu jgerger li kien xogħol, iżda dakinhar qalli li ma kellux aptit imur għall-għassa,” qalet Maria b’għoqla fi griżmejha. Kif kien se joħroġ mid-dar ta’ oħtu biex imur għax-xogħol għall-ħabta tas-6pm, waqaf quddiem il-bieb ta’ barra u staqsieha jekk riditx li jirranġalha l-arloġġ li kien imwaħħal fl-għoli. 

“Mela ħa mmur. Narakom għada u mmorru ngħumu.” Dawn kienu l-aħħar kliem li Maria semgħet mingħand ħuha ż-żgħir Maurice.

Interrogati nies qrib tal-vittma, fosthom martu

Kważi f’kull omiċidju parti mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija hija li jkellmu l-persuni li jkunu qrib il-vittma fosthom il-qraba. Il-każ ta’ Maurice Seguna ma kienx eċċezzjoni u l-Pulizija kienu interrogaw fit-tul lil xi qraba tiegħu fosthom martu Rita.

Fil-fatt Rita Seguna kienet inżammet għal ħin twil fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u nħelset it-Tnejn, 14 ta’ Ġunju 1993 għall-ħabta tas-2pm ftit ħin qabel kellu jibda l-funeral ta’ żewġha. Iżda xorta waħda Rita ma kinitx f’qagħda li tattendi għall-funeral li kien sar fil-Knisja Parrokljali tal-Marsa.

More in Qrati u Pulizija