Tissemma li waħda mill-vittmi setgħet kienet minorenni

Tneħħa minn direttur tal-Kerygma, ntalab biex jirriżenja minn direttur ta' Radju Marija u twaqqaf milli jeżerċita s-sagramenti

Il-każ ta' Patri Charles Fenech baqa' jkun l-aktar każ kontroversjali tal-ġimgħa, speċjalment li issa qed jingħad li waħda mill-vittmi li qed tallega abbuż sesswali fuqha jista' jkun li kienet minorenni fiż-żmien li kienet abbużata.

Każ kurjuż hu kif dan il-patri ma deherx tliet darbiet il-qorti bir-raġuni tkun li ma kienx jiflaħ, issa jinsab Londra. Fatt kurjuż ieħor hu li għal tmien snin sħaħ dawn il-każi kienu qed jiġu investigati mill-Kurja u dejjem tħalla jkompli jamministra s-sagramenti u direttur ta' moviment Kerygma li hu mibni fuq diversi tfajliet żgħażagħ u nisa.

Issa li ħareġ kollox fil-mezzi tax-xandir wara li l-allegati vittmi ressqu l-każ quddiem il-pulizija, il-provinċjal tad-Dumnikani waqqaf lil Patri Fenech milli jeżerċita l-ministeru saċerdotali fejn issa la jista' jqaddes, iqarben u lanqas jamministra sagramenti oħra, tneħħa wkoll minn direttur tal-Kerygma u anke mitlub jirriżenja minn direttur ta' Radju Marija. Għalkemm il-provinċjal Dumnikan Fr. Frans Micallef qal li b'daqshekk mhux jiġġudika l-każ iżda biex tikkawtela kull eventwalità. Qal ukoll li Patri Charles Fenech kien ilu jiġi mwissi mill-provinċja Dumnikana.

Allura nistaqsu għaliex dak iż-żmien kollu ma twaqqafx milli jkompli jeżerċita dak li baqa' jeżerċita u ma kienx hemm kawtela għal kull eventwalità qabel.

More in Qrati u Pulizija