“Libertà proviżorja riskjuża”

Xettiċiżmu dwar bail li ngħata lil Jason Galea, akkużat bil-qtil ta' Mario Camilleri u ibnu Mario Junior, u Matthew Zahra

L-Imnieħru u ibnu Mario Camilleri Junior
L-Imnieħru u ibnu Mario Camilleri Junior

Diversi uffiċjali mlaħħqin fil-Korp tal-Pulizija kienu xettiċi dwar deċiżjoni tal-Qorti li tat il-libertà proviżorja lil Jason Galea, akkużat li qatel tliet persuni: lil Mario Camilleri l-Imnieħru, lil ibnu Mario Junior u lil Matthew Zahra. 

Dan fid-dawl li l-mara tal-Imnieħru u omm Mario Junior, Mona Camilleri, kienet sostniet għal diversi drabi li Jason Galea kien ried joqtolha wkoll. 

Infatti waqt il-kumpilazzjoni tal-provi u f’intervista li kienet tat lil din il-gazzetta, Camilleri kienet irrakkuntat kif Galea – li jiġi wkoll ħuha – kien mar għaliha d-dar iżda ma fetħitlux.

“Għalhekk id-deċiżjoni li jingħata l-libertà proviżorja tista’ titqies bħala riskjuża ħafna. Filwaqt li nirrikonoxxu li dan hu dritt tal-imputat, fin-nofs hemm is-sigurtà ta’ persuni oħra,” qal uffiċjal imlaħħaq lil din il-gazzetta. 

Hu ssokta jgħid li x-xettiċiżmu tagħhom ikompli jikber meta tqis li Galea allegatament qatel xejn inqas minn tliet persuni, u difinhom flimkien f’għalqa fil-Qajjenza.

Minħabba dan ix-xettiċiżmu, ILLUM hi infurmata li għada l-pulizija se titlob lill-avukat ġenerali jappella minn din id-deċiżjoni tal-Qorti. 

Il-Pulizija se tappella kontra d-deċiżjoni tal-Qorti

Uffiċjal għoli fil-korp tal-Pulizija qal ma’ din il-gazzetta kif ma setax jifhem ir-raġuni wara l-libertà proviżorja lil Jason u George Galea. “Iżda l-Maġistrati huma dawk li huma,” kien il-kumment ta’ dan l-uffiċjal ogħli lil din il-gazzetta.

Mhux tal-istess opinjoni kien Eddie Attard, eks kuntistabbli tal-Pulizija u riċerkatur ewlieni f’pajjiżna fil-qasam tal-kriminalità. 

“Din hi xi ħaġa normali, xejn ġdid. Il-liġi ilha hekk mill-aħħar tat-tmeninijiet li anke min hu akkużat b’omiċidji jista’ jingħata l-libertà proviżorja. Jekk qatilx wieħed jew tnejn hu irrilevanti. Din il-prattika issa saret normali,” qal Attard f’kummenti ma’ din il-gazzetta.

Il-Qorti laqgħet id-deċiżjoni tad-difiża biex Jason Galea u George Galea jingħataw il-libertà proviżorja b’diversi kundizzjonijiet il-Ġimgħa waranofsinhar. 

“Il-proċeduri kriminali ilhom sejrin għal aktar minn sena, saru diversi seduti u ħafna xhieda nstemgħu. F’dan il-kuntest il-Qorti se taċċetta t-talbiet tad-difiża u tagħti l-libertà proviżorja,” qal il-maġistrat Tonio Micallef Trigona.

Il-maġistrat żied jgħid li l-Qorti tagħraf li l-akkużi huma ta’ natura gravi u għaldaqstant il-kundizzjonijiet kellhom jirriflettu dan. Fost l-oħrajn, Jason u George Galea ngħatatilhom il-libertà b’depożitu ta’ €30,000 u b’garanzija personali ta’ €30,000 oħra. Huma se jkunu taħt arrest domiċiljali u jkunu jistgħu joħorġu mir-residenzi tagħhom biss biex jiffirmaw fl-eqreb għassa tal-pulizija darbtejn kuljum.

“Arrest domiċiljali ma jfissirx li dawn ikunu taħt għassa l-ħin kollu, imma li l-Pulizija tiċċekja u tagħmel il-verifiki jekk l-imputat ikunx vera fir-residenza. Kieku kellna nibqgħu għassa għal kull arrest ta’ dan it-tip, kieku l-korp qas ikollu biex jaħdem,” sostna wieħed mill-uffiċjali tal-Pulizija.

L-uffiċjal temm jgħid li l-għoti tal-libertà proviżorja tibqa’ linja sottili għax fuq naħa għandek id-drittijiet ta’ bniedem arrestat u fuq naħa oħra għandek is-sigurtà ta’ persuni oħra. 

F’intervista esklussiva ma’ din il-gazzetta ftit jiem wara l-qtil, Mona Camilleri kienet qalet ukoll li bdiet taħseb ħażin f’ħuha meta ma setgħetx taqbad kemm lir-raġel u kemm lit-tifel, li kellhom ikunu fil-kumpanija tiegħu. L-akkużat, li jiġi wkoll ħuha, ġie għaliha d-dar iżda ma fetħitlux. 

“Dak ġie għalija biex joqtol lili wkoll. Wara li ħeles mir-raġel u mit-tifel, ried jeħles minni wkoll biex jgħid li aħna emigrajna. Ħija kien il-moħħ wara dan il-qtil għax lill-akkużat l-ieħor qas biss ma konna nafuh,” kienet qalet Camilleri.

More in Qrati u Pulizija