Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

James the boy

15 ta' Ġunju 2014 14:14
Dan hu James Piscopo li jgħix ġo villa ġewwa l-Iklin
Eħħ… kont qed nirritorna minn Spanja meta fuq l-ajruplan ilmaħt lil Joey Mizzi u James Piscopo. Għamilt widnejja mas-seat ta’ wara u ppruvajt nissemma ftit. Joey lil James: “James għamilli pjaċir tagħtix aktar direct orders, għax ikolli xi ngħid miegħek.” James lil Joey: “Imma Joe, aħna mhux flus irridu, x’nitnejjek mill-proċedura.” Joey, żamm kwiet, ma kienx jaf x’ser jaqbad jgħid. “Iva, James, imma x’ser ngħid jekk l-istampa tiġri warajja. Imbagħad hemm dak il-kelb Salvu Balzan, antipatku prima klassi. Tgħallinix James.” “Ara, Joe,” qal James hekk kif beda jxejjer idejh u juri l-cufflings sbieħ li jħobb jilbes (biex jitkessaħ). “Xbajt! Aħjar noqgħod waħdi fil-villa tiegħi li għandi fl-Iklin u noqgħod nibbulxittja waħdi.”

Dan huma l-ingravajjet differenti tal-fanfarun
Andrew il-fanfarun
Kemm ħadt pjaċir li Andrew Azzopardi wrieni fuq Facebook l-ingravajjet li libes waqt il-programm tiegħu. Ikolli ngħid li mnalla uriehom, għax ma kontx naf lejn xiex se nħares. Bejnietna jrid ikollok veru ego minn hawn sa Ateni biex toqgħod turi x’ilbist fil-programm. Hemm mumenti fil-ħajja meta trid toqgħod ftit lura. Min il-madoffi jimpurtah mill-35 ingravata ta’ Andrew Azzopardi? Apparti ovvjament xi beċċun li jiffansja lil Andrew…

Robert ma jikolx McDonalds
L-aħħar darba kont qiegħed ħdejn McDonalds meta waqqafni Robert Cutajar id-deputat Nazzjonalista li qiegħed jiġġieled biex il-Maltin ma jibqgħux ħoxnin. Qalli, “Poodle tidħolx hemm ġew, għax hemm ġew hemm ħafna ikel li jagħmlek oħxon.” Dort fuqu u għedtlu: “Skużi, imma dawn il-McDonalds mhux intom tajtuhom il-permess biex jiftħu?” Cutajar deher imħasseb, “Imma xi tridna nagħmlu? Ma noħorġux permessi?” Tajtu ħarsa kerha u rrispondejtu: “Tajba, mela b’id il-leminija toħorġu l-permessi u b’id ix-xellugija tgħidu n-nies li ħażin. Tridx tmur issaqqi l-ħass tal-Marsa.” U dawwart sormi u mort sal-counter tal-McDonalds u ordnajt hamburger kollha kolesterol.

Lou l-pinnur
Kemm ħadt pjaċir nisma’ li sieħbi Louis (Lou) Bondi qed jaqla’ €54,000 mingħand il-gvern ta’ Muscat. Prosit tassew. U jekk Muscat jaħseb li tal-Lejber mhux jinsew x’qal Bondi mela verament qed imur żmerċ. Għax kif tajjeb qal wieħed, Bondi mhux biss kien wieħed mill-aktar nies lagħqa fl-istorja tax-xandir, imma tista’ tgħid jitpoġġa fl-istess kategorija ta’ nies bħal Eileen Montesin. Infatti ser jiġrilu bħal ma ġralha Eileen Montesin, tintesa u titqies għal dak li hi, pinnur u bla prinċipji. L-aqwa li Bondi jibqa’ jkollu l-ħbieb intimi tiegħu, Andrew Borg Cardona u dak l-eks ambaxxatur u xalatur Noel Buttigieg Scicluna.

Prosit Bannister
Ikollna ngħidu prosit lil Bannister tal-MFSA, talli kien il-moħħ li l-bonds il-ġodda li ħerġin mhux ‘secured’ u aħjar li issa tal-Mariner għal xi Freeport fil-Baltiku, lanqas figuri awditjati u preċiżi m’għandhom. Imbagħad tkun kumpanija żgħira tinsa xi ħaġa żgħira u tal-MFSA jaqbżu fuqek qisek qtilt xi qattus.

Johann, gladjatur għall-ambjent
Qed inħares ġurnata wara ġurnata biex nara l-kap tal-MEPA Johann Buttigieg kemm qed jaħdem biex l-appelli ta’ dawk l-ispekulaturi li spiċċaw kellhom il-permess tagħhom irrifjutat jiġi rikunsidrat. Ċert li Johann Buttigieg li għandu għal qalbu l-ambjent tal-istampi se jara li dawn l-affarijiet ma jiġrux.

Roderick Galdes
Is-Sur Roderick Galdes għadu ma qalilniex kif ser isolvi l-fatt li dawk il-qabda slavaġ li jaqbdu l-għasafar tal-għana fuq artijiet tal-gvern ser jingħataw permess jonsbu. Forsi Galdes li issa sar l-ikbar apoloġista għal min jeqred l-ambjent jispjegalna ftit.

 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook