'L-għażla jekk dan il-baġit jitwettaqx jew le għalhekk hija f’idejn il-poplu' - Abela

Il-PM Robert Abela jindika li l-elezzjoni tinsab wara l-bieb u li l-Baġit jitwettaqx jew le, huwa "f'idejn il-poplu"

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

Waqt li kien qed jindirizza lill-Parlament il-Prim Ministru Robert Abela sostna illi se jkun f'idejn il-poplu li jiddeċiedi jekk il-miżuri baġitarji jiġux approvati jew le,  fl-ewwel u l-ikbar indikazzjoni li l-elezzjoni ġenerali issa tinsab fil-qrib sew u probabbilment ser issir din is-sena. 

"Il-miżuri kollha li semmejt matul dan id-diskors jitwettqu biss jekk il-poplu jaghti l-fiduċja tiegħu lil din l-amministrazzjoni l-ġdida, biex tkompli tmexxi lil pajjizna. L-għażla jekk dan il-baġit jitwettaqx jew le għalhekk hija f’idejn il-poplu," sostna Abela f'indikazzjoni ċara li l-Prim Ministru se jmur għall-elezzjoni. 

'Taħt Gvern Nazzjonalista morna nittalbu għall-vaċċin tal-iswine flu... illum nqassmuh aħna lil pajjiżi oħra'

Fakkar li l-Gvern ta aktar minn 800,000 doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19, minkejja li sostna illi l-Oppożizzjoni kienet qalet li l-Gvern kien se jġib biss 40,000 doża u minkejja li d-Deputat Nazzjonalista Maria Fatima Deguara kienet qalet li l-vaċċin mhux is-soluzzjoni. 

Abela fakkar li fl-2008 ukoll kien hawn kriżi minħabba l-iswine flu u saħaq li Gvern Nazzjonalista kellu jmur jitkarrab mingħand il-Gvern tal-Olanda biex jagħtina il-vaċċin żejjed li kellhom. Minflok, taħt Gvern Laburista  jgħid Abela, Malta spiċċat tqassam il-vaċċin tal-Covid-19 hi lill-pajjiżi oħrajn, minħabba li pajjiżna xtara biżżejjed dożi. 

Huwa qal li għall-PN kollox tberbiq, anke l-flus li l-Gvern nefaq biex joħroġ il-pagi u jsalva l-impjiegi waqt dik li sejjaħ l-akbar kriżi ekonomika li ffaċċja l-pajjiż sa mit-Tieni Gwerra Dinjija. 

F'dan l-ambitu huwa sostna li l-Gvern huwa determinat li pajjiżna jkollu l-aqwa servizz tas-saħħa possibbli. 

"Nofs iż-żieda fl-ispiża tal-Gvern marret għas-saħħa. Kienet tagħmel sens li nixxaħħu fis-servizz tas-saħħa f'nofs pandemija?" staqsa Abela.

Huwa qal li l-Gvern preżenti kien jinvesti u baqa' jinvesti fi-qasam tas-saħħa. 

Irrefera għall-kumment li l-Kap tal-Oppożizzjoni lejn id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, dwar l-impotenza, u filwaqt li qal li dan kien kumment insensittiv fakkar li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) faħħret lil Fearne u ddeskrivietu bħala awtorità fil-qasam

"L-għażla hija f'idejn in-nies. Iridux lill-qasam tas-saħħa mmexxi minn Chris Fearne jew xi ħadd minn madwar il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech," saħaq Abela. 

'L-agħar riċessjoni f'40 sena  ... u qassamna dan il-ġid kollu'

Huwa qal illi l-ebda istituzzjoni internazzjonali ma tat downgrade lill-Malta waqt il-pandemija u l-ebda istituzzjoni finanzjarja ma qalet illi l-Gvern qed imexxi l-ekonomija ħażin. Semma' kif l-IMF faħħret il-miżuri tal-Gvern waqt il-pandemija - li qalet illi wasslu biex ma tilfux l-impjieg tagħhom eluf ta' nies. 

"Ejja ngħidu li għandkhom raġun li hawn l-agħar riċessjoni f'40 sena - kif qed tgħidu fuq il-billboard li mortu ttellgħu -  u minkejja dan kollu, qassamna dal-ġid kollu...mela taħtkhom kif konna meta ħlief tellajtu  id-defiċit, għollejtu l-kontijiet, għollejtu l-petrol, għollejtu l-gass ma għamiltux? Mela jew qed tigdbu meta tgħidu li din l-agħar riċessjoni, jew inkella kontu inkompetenti fil-Gvern" qal Abela. 

Il-Prim Ministru fakkar li Malta llum għandha l-inqas rata ta' qgħad fl-istorja u fost l-inqas rata ta' nies li jiddependu mis-servizzi soċjali. 

Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela

'Ma żidna ebda piż u ma għollejniex kont wieħed'

Dwar il-prezzijiet ta-fjuwil huwa qal li l-petrol kullimkien fl-Ewropa żdied b'madwar 25ċ kull litru u l-kontijiet tad-dawl se jiżdiedu b'madwar 30%. "Minkejja dan aħna ma żidna ebda piż u ma għollejnix kont wieħed, li huwa wieħed," qal Abela li sostna illi jekk il-PN jerġa' jkun fil-Gvern imur għall-istess soluzzjonijiet li kien adotta meta kien il-PN fil-Gvern. Fakkar li Gvern Nazzjonalista kien għolla l-kontijiet, d-doppju tal-prezz internazzjonali taż-żejt. 

"Aħna la żidna d-dawl, il-gass, id-diesel u lanqas l-petrol," qal Abela li fakkar li Malta hija l-unika pajjiż fejn il-petrol u d-diesel ma żdidux fl-Ewropa kollha. Qal li fil-Ġermanja bħalissa dan żdided b'31ċ, filwaqt li fl-Olanda żdied b'32ċ filwaqt li jgħid illi ċifri tal-Eurostat turi li l-Maltin qed iħallsu l-inqas prezzijiet tad-diesel.

Fakkar li fl-aħħar leġiżlatura Nazzjonalista waħda minn kull tmien familji ma setgħetx tħallas il-konijiet tad-dawl u koppja ta' pensjonanti minn kull erba' ma setgħux iħallsu, skont ċifri tal-Eurostat. 

"Kienu jgħidulna issa jidrawhom in-nies il-kontijiet tad-dawl bl-għoli, kienu jivvotaw bil-qalb biex jogħlew il-kontijiet, hekk kienu jgħidulna u hekk kienu jagħmlu fl-2013," qal Abela. 

"Minflok, id-direzzjoni tagħna hija baġit ieħor mingħajr taxxi ġodda, għinna fl-aktar mumenti diffiċli u se nkompli ngħinu ... għalhekk qed nagħtu krediti ta' taxxa lin-negozji," spjega l-PM Robert Abela. 

Għall-kummenti dwar dejn, il-Prim Ministru tefa' botta lil Bernard Grech u qal illi l-Partit Nazzjonalista għandu €4 miljuni x'jagħti lill-ARMS f'kontijiet tad-dawl u l-ilma.

'Se nħallsu daqs depożitu kollu lil dawk il-koppji li jixtru proprjetà f'Urban Conservation Area'

Dwar l-ambjent huwa ammetta li hemm problemi. 

Huwa fakkar li fl-2013 il-priorità tal-Gvern ġdid Laburista kienet li ddur ir-rota ekonomika li jgħid illi kienet staġnata.  

Huwa fakkar fil-miżuri ambjentali li ħabbar f'dan il-Baġit, fosthom tneħħija tat-taxxa tal-boll meta ikun hemm trasferiment ta' kull proprjetà f'Urban Conservation Area. Huwa qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas biss induna li din il-miżura tgħodd għal kull proprjetà f'dawn iż-żoni. 
Fakkar fl-iskema l-ġdida tal-First Time Buyers ta' proprjetà f'UCA, li fil-każ ta' Għawdex il-Gvern se jkun qed jagħti sa €30,000 lil dawk li jixtru din it-tip ta' proprjetà - ammont ta' flus li Abela jfakkar illi jiġi daqs id-depożitu sħiħ. Dan filwaqt li l-għotja għal proprjetà f'Malta titla' sa massimu ta' €15,000. 

Fakkar ukoll li l-Gvern qed iwiegħed il-VAT kollha fuq titjib ta' proprjetà antika f'dawn iż-żoni, protetti. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

'In-nies li qed jagħtu d-direzzjoni ambjentali lill-PN huma l-istess nies li poġġew art daqs is-Siġġiewi għall-iżvilupp'

Huwa għamel referenza għall-wegħda ta' bosk fl-Inwadar u l-proġett li għaddej fil-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali. 

Abela fakkar lil Bernard Grech li l-persuna li tiddeċiedi d-direzzjoni tal-PN dwar l-ambjent huwa l-istess persuna li tefa' art daqs is-Siġġiewi f'żona ta' żvilupp fir-razzjonalizzazzjoni tal-konfini tal-Iżvilupp, lura fl-2006, immexxija mill-Eks Ministru George Pullicino. Huwa kien qed jirreferi għal Ray Bezizina. 

Huwa fakkar ukoll li r-rappreżentant tal-PN fl-ERA hija l-istess persuna li kienet responsabbli biex Malta qalbet għall-Heavy Fuel Oil, lura taħt Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi. 

Semma' l-miżura ta' inċentiv sa €12,000 biex taqleb għal karozza elettrika, eżenzjoni mit-taxxa u liċenzja tat-triq għal ħames snin għal min irid jixtri karozza elettrika. 

Huwa qal li n-negozji ma għandomx jibżgħu li se jitħallew waħedhom. "Ma tarax! Aħna ma ħallejniex lin-negozji waħedhom waqt pandemija," sostna Abela. 

Semma' l-proġett tal-Eco-Hive, l-impjant tal-Waste-To-Energy u qal li hemm ħafna kunċetti li l-pajjiż għandu jħares lejhom fil-qasam tal-enerġija nadifa. 

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

'L-akbar investiment fis-saħħa u sigurtà soċjali'

Huwa qal li l-Gvern ma wiegħedx kollox lil kulħadd għax huwa l-aħħar baġit ta' din il-leġiżlatura u sostna li l-irresponsabilità iħalliha lil ħaddieħor. Abela fakkar li fis-sena 2020 kien qal illi dak kien l-akbar baġit li qatt sar, iżda kompla jgħid li din is-sena il-Gvern bena fuq il-Baġit tas-sena l-oħra u għamel aktar. 

Il-Prim Ministru Abela qal li bis-saħħa ta' dan il-Baġit se jsir l-akbar investiment fil-qasam tas-sigurtà soċjali fl-istorja, kważi darbtejn dak li kien jinvesti fih Gvern Nazzjonalista, l-akbar investiment fis-saħħa u l-edukazzjoni fl-istorja - "tliet darbiet aktar miż-żmien meta d-Deputati tal-Oppożizzjoni tal-lum, kienu fil-Kabinett." 

Fakkar li meta l-pajjiż kien fi kriżi Gvern Nazzjonalista wettaq l-awsterità u għolla l-kontijiet, filwaqt li għolla l-pagi tal-Ministri. Jgħid iżda li dan il-Gvern fi kriżi "ta u reġa' ta lill-poplu." 

'Aħna ħsiebna fil-poplu ... intom ħsiebkhom fil-poter'

"Aħna ħsiebna fil-poplu, żidna l-benefiċċji anke f'sena ta' pandemija u erġajna żidna l-pensjonijiet għal darba oħra minn tal-anqas €5 fil-ġimgħa," qal il-Prim Ministru. Huwa kompla jgħid li kuntrarjament għal dan il-PN moħħu fil-poter u reġa' wissa lill-Grech li ta' madwaru se jagħmlu lilu, dak li għamlu lil ta' qablu "dalwaqt". 

Huwa elenka miżuri li kienu mħabbrin fil-Baġit u li jitrattaw l-anzjani, fosthom inqas taxxa għal dawk li jibqgħu jaħdmu, titjib fl-għajnuna supplimentari, sa €15 fil-ġimgħa għall-aktar pensjonanti vulnerabbli, mediċini b'xejn għall-anzjani ta' aktar minn 80 sena, żieda fil-bonus lil dawk li ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet, żieda fl-għotja lill-anzjani li jibqgħu jgħixu f'darhom u aktar. 

"B'€450 żdied id-dħul ta' dawk bil-paga minima u aħna kontra tagħkom lil dawk b'paga minima ma nintaxxawhomx." 
Fakkar li filwaqt li pajjiżi oħrajn qed jaraw l-ispiża tal-edulazzjoni li qed tiżdied f'Malta l-istipendji se jogħlew b'10%.

Ikkritika lill-Kap tal-Oppożizzjoni għax lanqas biss jaf li l-Gvern ilu sena sħiħa li ħabbar skema li permezz tagħha l-Gvern ikun jista' jidħol għall-10% depożitu fuq proprjetà, skema li jfakkar li diġà gawdew minnha ftit aktar minn 200 persuna. 

'Impenjati li noħorġu mil-Lista l-Griża tal-FATF'

Huwa qal li l-Gvern qed jieħu l-kwistjoni tal-FATF b'serjetà kbira u qed jimpenja ruħu li l-pjan ta' azzjoni jkun sodisfatt biex Malta toħroġ mill-Lista l-Griża kemm jista' jkun  malajr. 

Ifakkar li dan filwaqt li  kien hemm 15-il proġett ta' investiment barrani li wrew interess biex jiftħu. 

"In-negozji qegħdin magħna għax għandna l-kredibilità f'dan il-qasam u kull negozju leġittimu ma għandux għaliex jinkwieta" qal Abela. 

Huwa fakkar li l-awtoritajiet tat-taxxa għamlu snin sħaħ jiġru wara Bernard Grech biex iħallas it-taxxa, "każ klassiku ta' persuna li tipprova tevadi t-taxxa" u staqsa allura kif jista' l-Kap tal-Oppożizzjoni jkun kredibbli fuq is-suġġett tar-responsabilità fiskali. 

Huwa dar fuq ir-riformi li wettaq dan il-Gvern, fosthom ir-riforma fil-Liġi tal-Kera u allura ġustizzja mal-anzjan kerrej u lis-sid. Semma' t-350 sottomissjoni fuq il-Liġi dwar il-Kannabis u fakkar li kienet l-Oppożizzjoni biss li ma tatx sottomissjoni, fakkar li l-Gvern fetaħ aktar aċċess għall-edukazzjoni, ġustizzja permezz ta' aktar ugwaljanza - jiġifieri l-istess opportunità lil kulħadd. 

Huwa qal li kienet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen stess li qalet illi pajjiżi tal-UE għandhom iħarsu lejn ir-riformi li għamlet Malta fil-qasam tas-saltna tad-dritt. 

'Baġit imfassal mill-poplu'

Huwa qal li din hija l-art li fiha nrabbu lill-uliedna u għalhekk "għandna dmir biex insaħħuha aktar milli sibniha...nemmen li pajjiżna kapaċi jkun isbaħ, aħjar u aktar ġust." 

Abela qal li l-pajjiż irid jibqa' għaddej minn proċess ta' tiġdid u sostna li biex dan isir b'suċċess, jeħtieġ naħdmu "flimkien." Huwa qal li dan għalhekk kien baġit li nkiteb minn nies għax il-Gvern fasslu wara proċess ta' konsultazzjoni. 

More in Politika