38 persuna jirriżultaw pożittiv għall-coronavirus; Fosthom żewġt itfal u mara tqila

Wieħed mill-pazjenti jaħdem ma'  Piscopo Cash and Carry u seta' kellu kuntatt ma' xi klijenti

Fl-aħħar 24 siegħa, 38 persuna rriżultaw pożittiv għall-coronavirus wara li saru total ta' 1,018 test biex hekk Malta, sa issa, kellha 337 każ.

Waqt l-aġġornament ta' kuljum, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat kif fost il-każi l-ġodda hemm żewġt itfal u anke mara li qed tistenna tarbija.

Mill-każi l-ġodda, 25 kienu nisa u 13-il raġel. Il-każijiet kollha huma ta' trasmissjoni lokali, b'Gauci tisħaq li din hija "l-bidu tal-kurva."

Il-mara tqila ma kellha l-ebda sintomi

Il-mara ta' 30 sena li hija tqila, rriżultat pożittiv meta sarilha t-test f'Mater Dei hekk kif daħlet biex twelled. Fil-fatt, din il-mara ma kellha l-ebda sintomu.

Ħaddiem ta' Piscopo Cash and Carry li seta' kellu kuntatt mal-klijenti

Apparti minn hekk, wieħed mill-pazjenti li għandu 31 sena jaħdem ma' Piscopo Cash and Carry.

Il-Professur Gauci qalet li dan ir-raġel seta' kellu kuntatt mal-klijenti. Dan il-persuna kien qiegħed jaħdem mis-6 ta' April u għalhekk appellat biex jekk ikun hemm xi ħadd li mar jixtri mingħand dan il-ħanut u jħoss xi sintomi, iċempel minnufih in-numru 111.

Ir-riskju xorta waħda huma minimu għax il-kuntatt mal-klijenti ma jkunx twil ħafna.

Bħalissa qed isir kuntatt mal-istabbiliment biex isir it-tindif li hemm bżonn.

Carer li taħdem f'dar tal-anzjani

Fost il-pazjenti l-ġodda hemm ukoll carer ta' 51 sena li taħdem f'dar tal-anzjani.

Skont il-Professur Charmaine Gauci din il-pazjenta wkoll ma kellha l-ebda sintomi u ħarġet pożittiva waqt li sar screening lil carers kollha li jaħdmu mal-anzjani.

Uħud mill-pazjenti l-ġodda huma kollegi ta' pazjenti oħra li rriżultaw pożittiv fil-jiem li għaddew u għalhekk huwa importanti li min iħoss xi sintomi, anke jekk ħfief, ma jmurx għax-xogħol. 

Aqra wkoll:

More in Politika