Scan twaqqaf l-operat kollu tagħha wara li żewġ ħaddiema rriżultaw pożittiv għall-coronavirus

Il-kumpanija Scan qalet li se tkun qed tħallas lura lil dawn il-klijenti li laħqu għamlu xi ordni

Il-kumpanija Scan waqqfet b’mod immedjat l-operat kollu tagħha u dan wara li żewġ impjegati tagħha, li jaħdmu fil-ħwienet, irriżultaw pożittiv għall-Covid-19.

Minħabba l-fatt li l-ħwienet tagħhom ma kinux jaqgħu taħt l-avviż legali li ħareġ il-Gvern, dawn kienu baqgħu miftuħa iżda wara dawn iż-żewġ każi, il-kumpanija ddeċidiet li tagħlaq minnufih l-operat kollu, inkluż is-servizz ta’ delivery.

Lil dawk li laħqu għamlu xi ordni, il-kumpanija serħitilhom rashom li se tkun qed tagħtihom il-flus kollha lura.

Lil dawk li ħalsu permezz ta’ Paypal ukoll se jagħmlulhom tranżazzjoni lura u lil dawk li ħalsu b’karti tal-kreditu jew debitu se jirċievu l-ħlas lura fi żmien jumejn jew tlieta.

Intant, hemm ukoll minn għandu xi affarijiet għand il-kumpanija biex isiru fuqhom xi xogħlijiet. Sakemm ikomplu l-operat tal-kumpanija, dawn il-persuni mhux se jkunu jistgħu jieħdu lura l-affarijiet tagħhom.

Qalet li se tkun qed iżżid il-garanzija fuq il-prodotti kollha li nxtraw mingħandha għall-perjodu kollu li l-ħwienet tagħha se jibqgħu magħluqa.

More in Politika