Filmat | 'Il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa huwa inġust fuq il-poplu Malti u Għawdxi'

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana saħaq li l-Prim Ministru jikkunsidra l-kaċċaturi bħala sezzjoni privileġġjata tas-soċjetà

BirdLife Malta ddeskriviet il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa bħala wieħed inġust fuq il-poplu Malti u Għawdxi li qed jintalab jibqa’ ġewwa u jevita attivitajiet mhux neċessarji.

Fi stqarrija, BirdLife qalet li sezzjoni li tirrappreżenta 1% tal-popolazzjoni, minn għada, se jkollha l-permess toħroġ iddur il-kampanja u tispara fuq l-għasafar.

L-għaqda fakkret ukoll lill-Gvern li l-kaċċa fir-rebbiegħa tmur kontra d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Għasafar għar-raġuni sempliċi li l-għasafar li jkunu fi triqithom lejn il-postijiet fejn ikunu se jbeju għandhom jiġu mħarsa u mhux maqtula.

“Is-sitwazzjoni tal-COVID-19 poġġiet ukoll taħt pressjoni qawwija lill-Korp tal- Pulizija u wieħed jiddubita serjament kemm il-Gvern jista’, f’dan il-mument, jiddedika l-ammont rikjest ta’ uffiċjali tal-infurzar biex jikkontrollaw il-kaċċa fir-rebbiegħa kif titlob il-liġi,” saħqet l-istqarrija. “Il-Gvern għandu bżonn madwar 35 uffiċjal tal- pulizija f’Malta u sebgħa oħra f’Għawdex tul il-ħinijiet li tkun miftuħa l-kaċċa, jiġifieri minn sagħtejn qabel is-sebħ sa nofsinhar. “

Min-naħa tagħha, BirdLife Malta diġà kkomunikat mal-Kummissjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni kif ukoll dwar il- fatt li għal darba oħra l-Gvern għażel id-dati għall-kaċċa tas-Summiena fir- rebbiegħa b’mod li jaħbtu mal-qofol tal-istaġun tal-passa tal-Gamiema, li llum hija kklassifikata bħala vulnerabbli. 

Fakkret ukoll li, sal-lum, mill-għeluq tal-aħħar staġun tal-kaċċa BirdLife Malta u l-Pulizija diġà rċivew 21 għasfur protett li spiċċaw fil-mira tal- kaċċa illegali.

Dawn kollha tniżżlu matul l-istaġun magħluq, bl-aktar riċenti jkunu żewġ Spanjuletti, Spanjulett Sekond u saħanistra Ħuttafa – li kollha nġabru tul il-weekend li għadda, kif juri dan il-filmat ta' hawn taħt.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana saħaq li l-Prim Ministru jikkunsidra l-kaċċaturi bħala sezzjoni privileġġjata tas-soċjetà, anke meta l-kaċċa minnha nfisha diġà hija privileġġ.

More in Politika