Tarbija ta' xahar fost is-sitt pazjenti ġodda bil-coronavirus f'Malta

It-tarbija kienet ġo sala ma' trabi oħra; Sa issa ma kien hemm l-ebda tarbija oħra li rriżultat pożittiv hekk kif qed isiru t-testijiet

Fl-aħħar 24 siegħa, wara li saru kważi 1,000 test, kienu sitt persuni li rriżultaw pożittiv għall-coronavirus u fost dawn hemm tarbija ta' xahar u każ wieħed li huwa importat minn barra minn Malta. Issa t-total tal-każi tela' għal 299 każ.

It-tarbija ta' xahar kellha sintomi ta' sogħla u qtugħ ta' nifs u wara li sarilha t-test dan ħareġ pożittiv. Jirriżulta li din it-tarbija kienet l-isptar meta ħarġulha s-sintomi. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci qalet li t-tarbija kienet ġo sala ma' trabi oħra u qed isiru t-testijiet fuq it-trabi l-oħra. Sa issa, l-ebda tarbija oħra ma rriżultat pożittiv.

Gauci, kompliet tispjega li bħalissa qed isir kuntatt mal-familja u anke l-istaff li kellhom kuntatt mat-tarbija.

Pazjenta oħra għandha 57 sena. Din inqabdet pożittiva għall-Covid-19 meta sarilha t-test qabel iddaħħlet għall-operazzjoni f'Mater Dei.

"Dan ifisser li jista' jkollok ftit każijiet li ma jkollhomx sintomi jew ikollhom ftit," spjegat il-Professur Gauci waqt li saħqet li propju għalhekk qed isiru l-appelli biex in-nies jibqgħu d-dar u jżommu biss kuntatt mal-persuni li jgħixu fl-istess dar tagħhom.

Din il-mara kienet ilha mis-17 ta' Marzu ma tmur xogħol u qed isir contact tracing mal-familja.

Il-każi l-oħra:

  • Malti ta' 63 sena li jinsab f'qagħda klinika tajba. Kellu kuntatti biss mal-familja
  • Maltija ta' 47 sena. Kellha s-sintomi ta' ugigħ fil-griżmejn u l-ġogi. Kellha kuntatt biss mal-familja
  • Malti ta' 56 sena li huwa ħaddiem tas-saħħa. Qed isir kuntatt mal-kollegi tiegħu. Ma kellux kuntatti ma' pazjenti
  • Malti ta' 52 sena li kellu sintomi ta' dijareja u nuqqas ta' togħma. Wasal Malta fit-2 ta' April mill-Ingilterra

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fakkret li n-numri ta' ġurnata waħda ma jfissru xejn u ma jfissirx li għax illum in-numru huwa inqas ħafna minn dak tal-bieraħ, ifisser li l-każi se jonqsu u allura nistgħu nillaxkaw mill-miżuri.

Appellat biex in-nies ikomplu jikkoperaw mal-awtoritajiet biex kemm jista' jkun in-numru ta' każi ġodda jinżamm baxx, biex hekk, ma jkunx hemm pressjoni fuq is-servizz tas-saħħa.

More in Politika