Repubblika tiltaqa' ma' Zammit Lewis dwar ir-riformi fil-ġustizzja u l-governanza

Laqgħa online bejn il-Ministru Edward Zammit Lewis u Repubblika

Manuel Delia jindirizza lill-folla preżenti...
Manuel Delia jindirizza lill-folla preżenti...

Delegazzjoni mill-organizzazzjoni Repubblika illum kellha laqgħa mal-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis fuq stedina tiegħu. Il-laqgħa saret fuq Skype. F'isem Repubblika kien hemm Manuel Delia u Vicky Ann Cremona.

Din il-laqgħa seħħet jumejn wara li l-gazzetta ILLUM żvelat id-dettalji ta' riformi fl-oqsma tal-ġustizzja u l-governnza.  Mal-ILLUM il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li hu lest illi joħroġ l-id tal-ħbiberija lil kulħadd. 

Fi stqarrija Repubblika fakkret lill-Ministru li hi anzjuża li tara li ssir riforma dwar kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura "skond normi demokratiċi tal-lum."

Esprimiet sodisfazzjon li l-gvern qabel li jara li qabel jipproponi emendi fil-Parlament jikseb il-qbil formali u bil-miktub tal-Kummissjoni Venezja. "Dan għandu jiġri wara konsultazzjoni effettiva u parteċipazzjoni wiesgħa fit-tħejjija ta’ dawn l-emendi b’diskussjoni li għandha tinkludi lis-soċjetà ċivili taħt l-iskrutinju ħieles tal-istampa." qalet l-għaqda.

Fuq talba tal-Ministru, Repubblika se tħejji sunt tal-pożizzjoni tagħha dwar ir-riforma dwar il-ħatriet fil-ġudikatura.

"Fl-interess li r-riforma tirnexxi u jkollha warajha l-aktar kunsens wiesgħa, Repubblika talbet lill-Ministru li jgħaddilha kopja tar-riformi li huma fl-intenzjoni tal-gvern qabel dawn jintbagħtu għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni Venezja biex Repubblika u s-soċjetà ċivili Maltija kollha jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar dawn ir-riformi f’waqt li fihom ikun għad jista’ jsir titjib," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika