Il-Gvern iħeġġeġ lil Maltin li jinsabu barra minn Malta biex jirritornaw sal-Ħadd li ġej

Fi stqarrija l-Gvern saħaq li persuni li jagħżlu li jibqgħu barra mill-pajjiż wara t-12 ta’ April 2020, jieħdu r-responsabbiltà tar-riskju fuqhom

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej saħaq fi stqarrija li fid-dawl tat-tixrid li dejjem qed jiżdied tal-Covid-19 u tal-limiti li qed jiżdiedu f’diversi ajruporti, Maltin li bħalissa jinsabu barra minn Malta qed ikunu mħeġġa biex jiġu Malta sa mhux aktar tard minn nhar il-Ħadd 12 ta’ April 2020.

Dawn jistgħu jiġu lura permezz ta’ titjiriet minn Heathrow f’Londra jew l-ajruport maġġuri ta’ Frankfurt. Dawn jistgħu jagħmlu użu minn kwalunkwe titjira kummerċjali disponibbli. 

L-itinerarju tat-titjira flimkien ma’ kopja tal-passaport, għandhom jintbagħtu fuq [email protected]

B’hekk wieħed ikun jista’ jirriserva t-titjira ta’ ripatrijazzjoni tiegħu minn Heathrow f’Londra jew minn Frankfurt. 

“Persuni li jagħżlu li jibqgħu barra mill-pajjiż wara t-12 ta’ April 2020, jieħdu r-responsabbiltà tar-riskju fuqhom,” saħqet l-istqarrija. “Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ma jistax jiggarantixxi r-ripatrijazzjoni wara din id-data.”

Dan japplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess Malti validu ta' residenza. 

Biex wieħed jirriserva titjira ta’ ripatrijazzjoni hemm bżonn ta’ kopja tal-passaport u tal-karta tar-residenza. Din għandha tintbagħat flimkien mal-itinerarju tat-titjira fuq [email protected]

Dawk il-persuni li ma jistgħux jivvjaġġaw minħabba lockdowns imposti, għandhom jinfurmaw minnufih lill-Ministeru fuq [email protected] 

Dawk li diġà huma rreġistrati mal-Ministeru qed ikunu mħeġġa wkoll jibagħtu email bl-aġġornament tal-istatus attwali tagħhom.

Iċ-Ċentru ta’ Sitwazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej huwa disponibbli mit-08:00 sat-8:00pm, mit-Tnejn sal-Ħadd u jista’ jintlaħaq bit-telefon fuq 2204 2200. 

Ir-riservazzjonijiet għal titjiriet ta’ ripatrijazzjoni se jkunu aċċettati biss bl-email.

More in Politika