14-il każ ieħor ta' coronavirus; Tliet pazjenti kienu fl-isptar Monte Karmeli

Hekk it-total ta' każi tela' għal 241 persuna

Fl-aħħar 24 siegħa, hekk kif saru 555 test, erbatax-il persuna oħra rriżultaw pożittiv għall-coronavirus. Hekk it-total ta' każi tela' għal 241 persuna.

Minn dawn, żewġ pazjenti huma Għawdxin, inkluż mara ta' 67 sena li ddaħlet fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hekk kif bdiet tbati minn qtugħ ta' nifs.

Tliet pazjenti oħra, huma pazjenti tal-isptar Monte Karmeli u jinsabu kollha fl-istess sala. Wieħed minnhom huwa Eġizzjan li jgħix fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far.

Żewġ pazjent oħra daħlu l-isptar fuq kundizzjoni li ma għandhiex x'taqsam mal-Covid-19. Dawn sarulhom it-testijiet, kif qed isir lill-pazjenti l-oħra kollha f'Mater Dei u t-tnejn li huma rriżultaw pożittiv.

Id-dettalji tal-każi l-ġodda:

  • Anzjana Għawdxija ta' 67 sena. Idaħħlet l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex minħabba qtugħ ta' nifs u rriżultat pożittiva. Sar contact tracing mal-familja tagħha u anke nies li ltaqgħet magħhom
  • Għawdxi ta' 38 sena. Sar contact tracing mal-familja tiegħu u anke l-kollegi li setgħu ġew esposti. Qed jinżamm id-dar tiegħu
  • Tliet każi f'Monte Karmeli:
    • Maltija ta' 55 sena. 
    • Libjan ta' 34 sena, li kien fl-istess sala.
    • Eġizzjan ta' 32 sena, li kien fl-istess sala u resident taċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far
  • Malti ta' 73 sena. Daħal Mater Dei b'kundizzjoni oħra. Sarulu t-testijiet kif qed isiru lill-pazjenti l-oħra li jidħlu Mater Dei u rriżulta pożittiv. Sar contact tracing mal-familja
  • Malti ta’ 55 sena. Daħal ukoll Mater Dei b'kundizzjoni oħra. Sarulu t-testijiet u rriżulta pożittiv
  • Malti ta’ 60 sena. Ħarġulu s-sintomi, inkluż dijareja u rriżulta pożittiv
  • Malti ta’ 76 sena. Kellu sintomi, inkluż remettar. Jgħix waħdu 
  • Malti ta’ 61 sena. Kellu sogħla li hija kronika iżda dan l-aħħar grava. Qed isir contact tracing mal-kollegi
  • Maltija ta’ 57 sena. Ma taħdimx u l-contact tracing sar mal-familja tagħha
  • Ħaddiem tas-Saħħa ta’ 54 sena. Qed isir contact tracing mal-pazjenti, kollegi u familja
  • Maltija ta’ 32 sena. Sar contact tracing mal-familja
  • Bulgara ta’ 44 sena. Bdiet bl-uġigħ ta’ ras fil-15 ta’ Marzu iżda d-deni ħareġ fil-5 ta’ April. Sar kuntatt mal-kollegi tagħha.

Ħafna mill-pazjenti għadhom f'kundizzjoni ta' saħħa tajba. F'Għawdex hemm pazjenta waħda, f'Monte Karmeli hemm tliet pazjenti, f'Mater Dei hemm tmien pazjenti, apparti t-tlieta li jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, f'Boffa hemm 16-il pazjent u fl-isptar St. Thomas hemm 20.

Il-bqija tal-pazjenti jinsabu d-dar tagħhom.

More in Politika