81 persuna jeħlu multa ta' €100; Ħanut tax-xorb jinqabad miftuħ bin-nies jisimgħu l-mużika

B'kollox kienu tnejn l-istabbilimenti li nqabdu jiksru l-liġi waqt l-ispezzjonijiet li saru lbieraħ

Xejn inqas minn 81 persuna ngħataw multa ta’ €100 waqt ir-rondi li qed tagħmel il-Pulizija biex tassigura li ma jkunx hemm ġemgħat ta’ aktar minn tliet persuni f’postijiet pubbliċi u dan skont l-avviż legali li nħareġ mill-Gvern biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.

Apparti dawn, żewġ stabbilimenti nqabdu jiksru r-regolamenti biex jibqgħu magħluqa biex titrażżan l-imxija tal-Coronavirus.

Wieħed minn dawn kien kiosk f’Baħar iċ-Ċagħaq li kien qed iservi l-birra u ħanut tax-xorb fil-Ħamrun li nqabad bi klijenti jixorbu u jisimgħu l-mużika.

Is-sidien ingħataw multa ta’ €3,000 kull wieħed, bil-ħanut tax-xorb fil-Ħamrun jingħata wkoll avviż ta’ infuzar.

Fl-aħħar 24 siegħa saru 1,030 spezzjoni fil-gżejjer Maltin. Tista’ tirrapporta lil min jabbuża fuq 21692447.

Intant għal darb’oħra, wara 478 spezzjoni li saru fl-aħħar 24 siegħa, ħadd ma nqabad jikser il-kwarantina obbligatorja

More in Politika