Attent fejn tħalli l-karozza! Kull xahar qed tinsteraq 42 vettura

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn ir-rapport dwar il-kriminalità għas-sena 2018. Liema reati żdiedu? Liema naqsu? Min kienu l-vittmi? Il-kriminalità qed tiżdied jew qed tonqos?

Il-coronavirus ħa ras kulħadd u xi ftit jew wisq nessiena affarijiet oħra li normalment ninkwetaw fuqhom bħal, ngħidu aħna, l-kriminalità, anke għax il-perċezzjoni fost ħafna hija li kull ma jmur, din qed tiżdied. Madanakollu, ir-rapport dwar il-kriminalità f’Malta għas-sena 2019 wera li għal darb’oħra r-reati kriminali f’Malta naqsu bi 2.1% biex hekk, fuq perjodu ta’ tliet snin, il-kriminalitàf’Malta naqset b’xejn inqas minn 10%.

F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tagħti ħarsa lejn il-punti l-aktar importanti u interessanti ta’ dan ir-rapport li jipprepara kull sena l-Professur Saviour Formosa. 

Punt partikolari li dwaru jinsisti ħafna l-Professur Formosa huwa l-fatt li minkejja li l-popolazzjoni kompliet tikber u magħhom żdied ukoll l-għadd tat-turisti, il-kriminalità mhux qed tiżdied kif wieħed jistenna li jiġri.

Fil-fatt, għal sena oħra, ir-rapport jisħaq li suppost, meta wieħed iqis dawn il-fatturi, iż-żieda fil-kriminalità f’Malta suppost li qed tiżdied b’1,500 każ kull sena, xi ħaġa li ma ġratx. Skont ir-rapport, iż-żieda fil-popolazzjoni, li issa tmiss l-494,000 persuna kellha tfisser madwar 1,700 vittma aktar fl-2019, filwaqt li ż-żieda fit-turisti wkoll kellha żżid il-vittmi bi 3,900 meta wieħed iqabbel l-2019 mal-2018. Madanakollu dan ma seħħx. 

Tant u hekk li meta wieħed iqis dawn il-fatturi, bejn Maltin u barranin, wieħed kien jistenna madwar 21,189 reat jew vittma, għax ngħiduha kif inhi, kull reat, ifisser vittma. Minkejja dan, kif se naraw aktar ‘il quddiem, l-għadd ta’ rapporti matul is-sena li għaddiet kien ta’ 15,589. 

Iż-żieda fil-popolazzjoni waslet ukoll biex ir-rata ta’ kriminalità f’Malta naqset minn 42 reat għal kull 1,000 persuna, għal 32 reat għal kull 1,000, biex hekk Malta baqgħet wieħed mill-aktar pajjiżi siguri biex tgħix fihom.

Fil-fatt, fejn tidħol ir-rata ta’ kriminalità, Malta tinsab sew taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea fejn jidħlu r-reati l-aktar serji bħal dawk marbuta ma’ serq mid-djar, id-droga, l-omiċidju, l-istupru, l-offiżi sesswali u oħrajn. Is-serq huwa l-uniku kategorija li fiha Malta taqbeż il-medja tal-Unjoni Ewropea u dan huwa riżultat tal-pickpocketing li fl-aħħar snin sploda f’Malta anke jekk għal sena oħra, tul l-2019, ir-reati marbuta mal-pickpocketing naqsu b’29% biex issa reġa’ jinsab fl-istess livell li kien fih fl-2012 qabel beda jiżdied sena wara l-oħra. 

Tant u hekk li mill-2016 ‘l hawn, ir-reati marbuta mal-pickpocketing naqsu b’66.5%.

Apparti minn hekk, għal sena oħra, ir-rapport wera wkoll kif il-kriminalità f’Malta qed tinbidel biex issa r-reati finanzjarji, ftit ftit, qed jiżdiedu,  u dan ifisser li l-pajjiż, inkluż il-Korp tal-Pulizija, irid jinvesti aktar biex jilqa’ għalihom u jiżdiedu wkoll il-kampanji ta’ edukazzjoni, inkluż fl-iskejjel.

Is-serq, il-ħsara, il-vjolenza domestika, il-ġrieħi fuq persuni u l-frodi jagħmlu bejniethom 87.5% tar-reati rrapporti kollha matul is-sena li għaddiet. Dan ifisser li anke jekk ir-rata ta’ kriminalità naqset, ma jfissirx li ma hemmx xi jsir. Jekk nieħdu l-vjolenza domestika biss, l-għadd ta’ rapporti għadu kbir. 

Serq: Jonqos mill-ġdid il-pickpocketing iżda jisplodi s-serq mill-vetturi

Matul l-2019, is-serq ammonta għal 42.5% tar-rapporti kollha li daħlu għand il-Pulizija, żieda ta’ 103 każi fuq is-sena ta’ qabel.

Iż-żieda kienet irreġistrata minkejja t-tnaqqis ta’ 330 każ ta’ pickpocketing, reat li sa ftit ilu kien qed jiddomina s-serq f’Malta.

Matul is-sena li għaddiet, il-Pulizija rċeviet 819-il rapport dwar pickpocketing, tnaqqis sostanzjali meta wieħed iqis li s-sena ta’ qabel kien hemm b’kollox 1,149-il persuna li sfaw vittma ta’ dan ir-reat.

Ta’ min ifakkar li fl-2017, il-pickpocketing kien jammonta għal 12.5% tar-reati kollha mwettqa. Tant hu hekk li f’Novembru tal-2017, il-gazzetta ILLUM kienet irrapportat li l-għassa ta’ Tas-Sliema kienet qed tirċievi mal-10 rapporti kuljum ta’ pickpocketing.

Madanakollu jidher li kien hemm ċaqlieqa mill-pickpocketing għal reat ieħor li sploda fl-aħħar sena, jiġifieri s-serq mill-vetturi hekk kif b’kollox, tul l-2019 kienu rrapportati 513-il każ jew inkella żieda ta’ 66% meta wieħed iqabbel mas-sena 2018.

Fejn jidħol is-serq, kien hemm żieda ta’ reati fi 18-il sotto-kategorija u tnaqqis fi 30. 

Apparti s-serq mill-vetturi, żdied ukoll is-serq mis-siti ta’ kostruzzjoni (38%) u anke mid-djar (4%).

Is-serq mir-residenzi żdied b’24 każ biex is-sena li għaddiet il-Pulizija ħadmet fuq 647 rapport.

Matul l-2019 irriżulta li kien hemm żieda wkoll ta’ serq mill-fabbriki mill-impjegati, mill-knejjes, u mill-ħwienet, fost oħrajn.

Fejn l-aktar kien hemm serq mill-karozzi?

Mir-rapport jirriżulta li s-serq mill-karozzi kien komuni l-aktar f’Ta’ Xbiex, il-Marsa, il-Furjana u l-Pieta. 

Ta’ min wieħed jinnota u dan jagħmlu wkoll ir-rapport, li dawn huma l-lokalitajiet li jipprovdu l-aktar faċilitajiet ta’ parkeġġ, bħal ngħidu aħna l-Park and Ride u anke attivitajiet oħra marbuta mat-trasport.

Il-każi ta’ vjolenza domestika għadhom ħafna!

Qatt mhu biżżejjed biex nitkellmu dwar il-vjolenza domestika u jsiru kemm isiru kampanji dejjem se jibqa’ jkun hemm vittmi li ma jitkellmux għax jibżgħu.

Ir-rapport dwar ir-reati kriminali għall-2019 wera li f’sena t-tnaqqis fejn tidħol il-vjolenza domestika kien wieħed minimu u kważi kważi insinifikanti hekk kif naqas biss minn 1,341 każ fl-2018 għal 1,326 każ is-sena li għaddiet, ammont li għadu għoli ħafna.

Anke jekk kull numru inqas ifisser vittma inqas u allura pass ‘il quddiem, ma għandnix għaliex inserrħu rasna. Ngħiduha kif inhi, 1,326 vittma mhux ċajta.

Fil-fatt, jirriżulta li dak magħruf bħala ‘stalking’ jiġifieri meta persuna ssegwi l-passi ta’ ħaddieħor kemm fiżikament, imma anke permezz tal-mezzi soċjali u dawk ta’ kommunikazzjoni, fost oħrajn, żdied b’xejn inqas minn 61% f’sena waħda biss.

Irriżulta wkoll li kien hemm żieda ta’ 3% fejn tidħol il-ħsara psikoloġika, li tħalli impatt  negattiv fuq il-persuna daqskemm meta persuna terfa’ idejha fuq ħaddieħor, jekk mhux aktar ukoll.

Mir-rapporti li daħlu għand il-Pulizija kien hemm ukoll żieda ta’ 4% f’dawk il-każi fejn persuna użat il-forza fiżika fuq oħra u kkawżatilha ġrieħi gravi.

Minn fejn l-aktar daħlu rapporti marbuta mal-vjolenza domestika?

Ħafna mir-rapporti marbuta mal-vjolenza domestika waslu għand il-Pulizija minn persuni li joqogħdu f’Ħal Kirkop, il-Furjana, l-Isla, Bormla u Santa Luċija.

Qed insemmu dawn il-lokalitajet mhux biex nittimbrawhom jew inpoġġuhom f’dell ikrah iżda għax dawn il-fatti huma importanti meta wieħed jiġi biex jimplimenta miżuri ta’ prekawzjoni, fosthom bħall-introduzzjoni tal-community policing fl-ibliet u l-irħula.

Community Policing ifisser li f’kull lokalità jkollok numru ta’ pulizija 24 siegħa kuljum, liema grupp ta’ pulizija jkunu dejjem l-istess u  għalhekk ikunu familjari mal-lokalità u anke r-residenti.

Għall-ħames sena jiżdiedu l-offiżi sesswali u jonqsu drastikament ir-reati dwar droga

Ir-reati marbuta ma’ offiżi sesswali żdiedu wkoll b’21% jew b’25 każ fuq is-sena li għaddiet. 

Fil-fatt, mill-2015 ‘l hawn, dawn ir-reati żdiedu sena fuq l-oħra.

Kategorija ta’ reati li rat tnaqqis sostanzjali ta’ rapporti, kienet dik marbuta mad-droga, x’aktarx riżultat ukoll tat-tnaqqis tad-droga fil-ħabs.

Fil-fatt, ir-rapporti dwar abbuż mid-droga naqsu b’54%, jiġifieri 189 każ inqas mis-sena li għaddiet. Dan it-tnaqqis segwa żieda ta’ 12% fir-rapporti bejn l-2017 u l-2018.

Jonqos il-frodi iżda jibqa’ wieħed mill-aktar reati komuni; Jiżdied ukoll il-ħasil tal-flus

Matul l-2019 il-każi ta’ frodi naqsu b’20% jew b’211-il każ. Minkejja dan, il-frodi jibqa’ wieħed mill-ħames l-aktar reati komuni f’Malta.

Fil-fatt, matul l-2019, il-Pulizija investigat 821 każ ta’ frodi, b’dan l-ammont jibqa’ t-tieni l-ogħla rata ta’ każi li ġew irrapportati f’Malta, wara li bejn l-2017 u l-2018, il-frodi splodiet b’31% biex is-sena li għaddiet biss 1,032 persuns sfaw vittma. 

Il-ħasil ta’ flus, li beda jkun ikkusidrat bħala kategorija distinta mir-rapport tal-2017, irreġistra żieda ta’ 9% fir-reati matul is-sena li għaddiet, biex b’kollox il-Pulizija kellha quddiemha 36 każ.

Fl-2017, il-Pulizija investigat 17-il każ filwaqt li fl-2018 daħlulha 33 rapport.

Aħbarijiet pożittivi għal San Ġiljan; Il-Belt trid toqgħod b’seba’ għajnejn

Wieħed mill-aktar punti interessanti ta’ dan ir-rapport huwa dak marbut mar-rata tal-kriminalitàf’San Ġiljan li fl-aħħar sena kienet l-inqas li qatt kienet fl-aħħar 15-il sena.

Jekk wieħed iħares lejn l-aħħar snin, jirriżulta li r-rata ta’ reati kriminali f’San Ġiljan naqset minn 19.5% fl-2012 għal 9.1% fl-2019, jiġifieri inqas mir-rata ta’ 10.6% li kienet irreġistrata fl-2017.

Iżda r-rapport ma jieqafx hemm. Ma jfissirx li r-reati li naqsu f’San Ġiljan ma marrux xi mkien ieħor u propju għalhekk li wieħed jeħtieġ jifhem fejn ikunu “emigraw” ir-reati.

Pereżempju l-Belt Valletta kienet bagħtit mhux ħażin minn dan iċ-ċaqliq tar-reati b’mod partikolari minħabba ż-żieda qawwija fir-reati ta’ pickpocketing, anke jekk dan issa rreġistra tnaqqis sostanzjali.

Il-Professur Formosa jispjega kif il-ħallelin u l-kriminali se jmorru fejn hemm l-opportunitajiet għalihom u l-inqas riskju. 

Fil-fatt, il-Belt Valletta ma tantx għandha għaliex isserraħ rasha, anke għax aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed issir lokalità magħrufa għad-divertiment u r-rikreazzjoni u għalhekk se tattira aktar nies u dan, fost fatturi oħra, se joħloq aktar opportunitajiet għall-kriminali.

Madanakollu, ir-rapport stess jinnota li l-infurzar tal-liġi f’dawn il-lokalitajiet u l-preżenza tal-Pulizija qed iservi ta’ detterent kif jidher mill-għadd ta’ rapporti fl-2019.

Kordin iffullat wisq; Lura għas-sitwazzjoni tal-2012

Ir-rapport jagħmel ukoll twissija dwar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, b’Saviour Formosa jinnota li s-sitwazzjoni reġgħet spiċċat dik ta’ qabel l-2012, bl-għadd ta’ residenti huwa ogħla minn dik magħrufa bħala Psyschological Threshold ta’ 600 resident.

Fil-fatt, f’kull rapport, il-Professur Formosa jinsisti li l-għadd ta’ residenti f’Kordin ma għandux jaqbeż is-600 resident u dan għall-ġid tar-residenti infushom u l-effettività tal-faċilità korrettiva.

Skont ir-rapport, sat-8 ta’ Novembru 2019, fil-ħabs kien hemm 815-il priġunier u sal-aħħar tas-sena kien hemm 745 resident, 682 raġel u 63 mara.

Ta’ min ifakkar li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hija l-uniku faċilità korrettiva f’Malta u tilqa’ fiha kemm l-irġiel u anke n-nisa, kemm lill-Maltin u l-barranin u kemm dawk li għandhom sentenza u dawk li l-proċeduri tagħhom għadhom għaddejja. Dawk li għadhom taħt l-età jinsabu f’faċilità oħra fl-Imtaħleb.

Min kienu l-vittmi?

L-aktar grupp ta’ persuni li sfaw vittmi tal-kriminalità kienu dawk li għandhom bejn l-40 u d-59 sena.

60.7% tal-vittmi kienu rġiel. In-nisa sfaw l-aktar vittmi tal-ħsarat, is-serq u każi ta’ natura ċivili, vjolenza domestika, insulti u theddid. Min-naħa l-oħra, l-irġiel sfaw l-aktar vittmi ta’ ħsarat, seraq, każi ta’ natura ċivili, ġrieħi, insulti, theddid u frodi

Matul l-2019, il-maġġoranza tal-vittmi, 78.6%, kienu residenti Maltin. Isegwuhom it-Taljani, għall-kuntrarju ta’ dak li sab ir-rapport is-sena ta’ qabel, fejn wara l-Maltin, l-aktar li sfaw vittmi kienu l-Ingliżi.

Is-sena li għaddiet ukoll, apparti l-Maltin u t-Taljani, l-aktar vittmi komuni kienu l-Libjani, il-Bulgari u s-Sirjani. Din hija bidla interessanti meta wieħed iqis li fir-rapport dwar l-2018, wara l-Maltin u l-Ingliżi, l-aktar vittmi komuni kienu l-Franċiżi, il-Ġermaniżi u l-Ispanjoli.

Il-vittmi kollha tar-reati kriminali tas-sena li għaddiet kienu ġejjin minn 161 pajjiż. 

L-aktar numri importanti tar-rapport

15,589 – In-numru tar-rapporti fl-2019

336 – reat kriminali inqas mill-2018

819 – rapporti marbuta ma’ pickpocketing

330 – reat inqas ta’ pickpocketing mill-2018

513 – L-għadd ta’ rapporti dwar serq mill-karozzi

925 – Rapporti marbuta ma’ ġrieħi fuq il-persuni 

20% (211 każ) - Kemm naqsu r-rapporti marbuta mal-frodi f’sena

821 – L-għadd ta’ reati ta’ frodi li investigat il-Pulizija fl-2019

54% (189 każ) – Kemm naqsu r-rapporti marbuta mad-droga f’sena

1,326 – L-għadd ta’ reati marbuta mal-vjolenza domestika 

647 – L-għadd ta’ reati marbuta mas-serq mid-djar

21% (25 każ) – Kemm żdiedu r-rapporti marbuta mal-offiżi sesswali

9% (36 każ) – Kemm żdiedu r-rapporti marbuta mal-ħasil tal-flu

More in Politika