Tliet pazjenti oħra Maltin ifiequ mill-coronavirus

Dan ifisser li minn meta kellha l-ewwel każ, Malta kellha ħames persuni li fiequ kompletament mill-virus

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li tliet pazjenti oħra Maltin fiequ mill-coronavirus. Dan ifisser li minn meta kellha l-ewwel każ, Malta kellha ħames persuni li fiequ kompletament mill-virus.

Waqt konferenza li indirizza fil-Ministeru għas-Saħħa, flimkien mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, il-Ministru Fearne qal li l-indikazzjonijiet huma li aktar pazjenti se jkunu qed ifiequ mill-coronavirus fil-jiem li ġejjin anke għax issa għadda biżżejjed żmien.

Minkejja li persuni jkunu meqjusa mfejqa, għax fost oħrajn ikun sarilhom aktar minn test wieħed u kollha jkunu rriżultaw fin-negattiv, dawn xorta jsegwu ħmistax-il ġurnata kwarantina.

Il-persuni mfejqa huma tfajla ta' 12-il sena, żagħżugħa ta' 23 sena u raġel ta' 55 sena.

Sa issa, Malta kellha total ta' 227 każ ta' Covid-19.

More in Politika