Minkejja l-appelli biex nibqgħu d-dar se tiftaħ il-kaċċa għas-summiena; Miżmuma l-liċenzja tal-anzjani u persuni vulnerabbli

L-istaġun għall-kaċċa tas-summiena fir-rebbiegħa se jiftaħ bejn l-10 ta’ April sat-30 ta’ April u l-kwota nazzjonali għal dan l-istaġun hija ta’ 5,000 summiena

Minkejja l-appelli li qed isiru mill-awtoritajiet tas-saħħa biex in-nies ma joħorġux u jibqgħu d-dar, il-Gvern laqa' r-rakkomandazzjoni tal-Ornis sabiex jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa tas-summiena.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 65 sena u dawk kollha meqjusa vulnerabbli ma jistgħux joħorġu għall-kaċċa. Fil-fatt il-liċenżja tagħhom tal-kaċċa ġiet miżmuma.

L-istaġun għall-kaċċa tas-summiena fir-rebbiegħa se jiftaħ bejn l-10 ta’ April sat-30 ta’ April 2020 minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, inkluż fost il-ġimgħa, nhar ta’ Sibt u Ħadd u festi pubbliċi.

Il-kwota nazzjonali għal dan l-istaġun hija ta’ 5,000 summiena u mhu se jkun hemm l-ebda kwota individwali.

Kienu diversi dawk l-għaqdiet, inkluż anke erba' gazzetti indipendenti, il-gazzetta ILLUM waħda minnhom, li appellaw lill-Gvern biex l-istaġun ma jiftaħx. Il-gazzetta ILLUM irrapportat ukoll kif kien hemm għadd ta' ministri li huma kontra din id-deċiżjoni.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li "il-kaċċa għas-summiena hija minnha nnifisha attività solitarja jiġifieri tiġi ppratikata minn kaċċatur waqt li jkun waħdu fir-raba."

Apparti anzjani u persuni vulnerabbli, l-istess projbizzjoni tgħodd ukoll għal dawk il-persuni li qegħdin kwarantina u oħrajn li huma ordnati joqgħodu f’iżolament.

"Dan ukoll filwaqt li jkunu obduti l-kumplament tad-direttivi l-oħrajn li nħarġu mill-Awtortajiet tas-Saħħa Pubblika fosthom li mhux permess li jkun hemm miġemgħa ta’ aktar minn 3 minn nies. Ksur ta’ dan iwassal għall-multi ta’ €100 għal kull persuna. L-istess jgħoddu l-multi  għal dawk  li suppost qegħdin fi kwarantina imma jinstabu barra fejn hemm tapplika multa ta’ €3,000 u multa ta’ €10,000 jekk tinstab barra persuna li suppost qiegħda f’iżolament," spjegat l-istqarrija.

L-istqarrija qalet ukoll li dan kollu jibqa’ validu sakemm ma jkunx hemm direzzjoni xorta oħra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, li dejjem tieħu l-preċedenza.

More in Politika