Il-Gvern japprova seba' riformi fil-ġustizzja u l-governanza - se jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea

  • Il-Kabinett japprova riforma estensiva mill-Ombudsman u l-Avukat Ġenerali sal-Ġudikatura
  • F'kummenti mal-ILLUM il-Ministru Zammit Lewis jgħid li d-direzzjoni tal-Gvern se tkun rikonċiljazzjoni u tisħiħ tal-istituzzjonijiet u r-reputazzjoni
     

Il-gazzetta ILLUM tista' tiżvela illi l-Gvern se jibgħat ittra teknika fil-ġranet li ġejjin, kif ukoll għandu laqgħa ma' żewġ Kummissarji Ewropej  - illi fihom se jelenka sebgħa riformi importanti illi ġew approvati mill-Kabinett tal-Ministri fl-aħħar ġranet.

Dawn ir-riformi qed ikunu mmexxija mill-Ministru Edward Zammit Lewis u jitrattaw il-ġustizzja u l-governanza, żewġ suġġetti li qajmu ħafna kontroversja fl-aħħar snin.

Sorsi qrib il-Gvern li tkellmu ma' din il-gazzetta qalu illi dan se jibgħat rapport tekniku lill-Kummissjoni Venezja kif ukoll se jiltaqa' mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Vera Jourova u mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders - u ma ' dawn se jiddiksuti sebgħa riformi li kienu diskussi u approvati mill-Kabinett fl-aħħar jiem.

Sebgħa riformi fil-ġustizzja u governanza

Is-sorsi mill-Gvern li tkellmu mal-ILLUM qalu illi r-riformi huma dawn:

L-ewwelnett ir-riforma fl-Iddixxiplinar tal-Ġudikatura, sabiex din - inkluż it-tneħħija ta' ġudikant - titneħħa kompletament minn idejn il-politiku u titpoġġa fir-responsabilità tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

It-tieni riforma hija fil-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja stess.

It-tielet hija riforma ta' kontinwazzjoni fil-proċess ta' separazzjoni bejn il-pulizija u allura l-qafas li jinvestiga u l-Avukat Ġenerali, bħala l-Prosekutur Pubbliku

.Ir-raba' hija riforma li ser issir fl-Uffiċċju tal-Ombudsman

Il-ħames riforma hija dik li ser issir fil-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni

Is-sitt riforma hija f'ħatriet ġenerali li sal-lum għadhom responsabilità tal-Prim Ministru waħdu, bħal per eżempju ħatriet f'entitajiet.  Dawn il-ħatriet issa se jsiru responsabilità tal-Kabinett kollu.

U fl-aħħarnett, is-seba' riforma, hija dik li permezz tagħha ċerti deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Avukat Ġenerali bħala Prosekutur Pubbliku, se jibdew jaqgħu ukoll taħt l-iskrutinju tal-Qorti.

'Rikonċiljazzjoni u tisħiħ'

Mitlub jagħti xi kummenti l-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis qal illi dawn ir-riformi se jkunu qed isiru biex isir tibdil kruċjali fi tliet aspetti.

"L-ewwelnett l-importanza ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali," qal Zammit Lewis, hekk kif dawn ir-riformi huma frott tmiem ta' sena politika turbolenti u diviżiva ħafna f'Novembru u Diċembru tas-sena l-oħra.

Mistoqsi huwiex qed jaħdem ma' kulħadd, inkluż ma' Repubblika li kienet voċifera ħafna fuq# il-governanza u li mexxiet kampanja pjuttost effettiva kontra l-Gvern dwar dan il-qasam, Zammit Lewis qal li se joħroġ l-id tal-ħbiberija.

"Se noħroġ l-id tal-ħbiberija lil kulħadd, hekk biss nistgħu nilħqu rikonċiljazzjoni."

Il-Ministru kompla jgħid li dawn il-miżuri qed isiru wkoll biex jissaħħu l-istituzzjonijiet ta' pajjiżna, kif ukoll biex tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta' pajjiżna, barra minn xtutna.

More in Politika