Numru ta' Ministri mhuma komdi xejn bil-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa ... il-Gvern mistenni jiftħu

Il-Gvern mistenni jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa kontra l-parir ta' 10 għaqdiet u anke l-protestazzjonijiet ta' xi Ministri

Xi membri tal-Kabinett mhuma qed jaqblu assolutament xejn mad-deċiżjoni tal-Ornis li proponiet li jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa minn din il-ġimgħa - f'dak li hu mifhum li huwa l-eqqel tal-kriżi tal-coronavirus, f'Malta u madwar id-dinja.

Sorsi qrib il-Gvern li tkellmu ma' din il-gazzetta qalu illi għalkemm wieħed jifhem li din hija deċiżjoni tal-Ornis, il-Gvern għandu jieħu pożizzjoni kontriha u ma jiftaħx l-istaġun.  "Mela sewwa qed ngħidu lil kulħadd biex joqgħod ġewwa, waqqafna kollox u waqqafna l-passatempi ta' kulħadd, imma lill-kaċċaturi se nħalluhom joħorġu? Ma tagħmilx sens!" qal wieħed mis-sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta.
Dan huwa sentiment ta' wħud mill-membri tal-kabinett għalkemm huwa mifhum li hija l-fehma ta' minoranza żgħira - bil-maġġoranza sa issa jidhru li huma tal-fehma li l-istaġun għandu jiftaħ.

"Jekk għandna l-awtoritajiet tas-saħħa għandhom ikunu huma li jiddeċiedu x'għandu jsir u x'mgħandux.  U l-Ministru tas-Saħħa għandu jkollu s-saħħa li jgħid iva jew le, f'dawn il-każijiet."

Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata illi saret diskussjoni dwar dan is-suġġett fil-Kabinett, għalkemm sa issa għad ma kienx hemm stqarrija uffiċjali u pubblika mill-Gvern dwar din il-materja - jiġifieri jekk il-Gvern jaqbilx jew le mal-proposta tal-Ornis.  Sakemm kien qed jinkiteb dan l-artiklu l-PM wkoll għadu ma kkumentax.

Minkejja dan, l-ILLUM hija infurmata li l-Gvern mistenni japprova l-ftuħ tal-istaġun b'mod imminenti. 

L-ILLUM rrimarkat mas-sorsi tagħha illi l-kaċċa ssir fl-għelieqi u fil-kampanja mhux qalb in-nies, bis-sors qrib il-Gvern jisħaq illi b'dak l-argument messu kulħadd jitħalla jmur fil-kampanja wkoll mill-10 ta' April.

Din il-proposta, f'dan il-mument partikolari ġabet ir-rabja mhux biss ta' 11-il għaqda ambjentali jew kulturali mmexxijin mill-Birdlife, imma wkoll dubji dwar kemm se jkun possibbli li l-Unit tal-Pulizija tal-Infurzar (ALE)  - li bħalissa qed jieħu ħsieb l-infurzar tar-regolamenti tal-Covid-19 - ilaħħqu. Fil-fatt hija l-ALE li normalment tieħu ħsieb l-infurzar waqt l-istaġun tal-kaċċa.

Il-Birdlife qalet illi dan se jfisser li l-masskaru tal-għasafar u l-illegalitajiet se jkunu ħafna ikbar minn normal.

B'kollox huma dawn l-għaqdiet li qed jopponu l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa din is-sena: Birdlife Malta, Nature Trust-FEE Malta, Friends of the Earth Malta,  Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA),  Greenhouse Malta, Moviment Graffitti, Bicycle Advocacy Group, Din l-Art Ħelwa, Futur Ambjent Wieħed,  Animal Liberation Malta u  Ramblers’ Assocation of Malta
 

More in Politika