Magna speċjalizzata se tibda tipproċessa mat-800 test għall-coronavirus kuljum

Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li se tibda tuża din il-magna speċjalizzata

Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li se tibda tuża magna speċjalizzata biex tagħmel it-testijiet tal-Covid-19.

Ilbieraħ, id-Deputat Prim Minsitru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żar id-Dipartiment tal-Patoloġija f’Mater Dei, hekk kif kienu qed isiru l-aħħar preparamenti qabel din il-magna robotika tibda titħaddem fis-sigħat li ġejjin. 

Din il-magna speċjalizzata tippermetti li Mater Dei jipproċessa mat-800 test kuljum, hekk kif se tirriduċi l-ħin tal-ipproċessar tat-test fi kwistjoni ta’ minuti. 

Dan ifisser li l-Awtoritajiet tas-Saħħa se jkunu f’pożizzjoni li jagħtu r-riżultat tat-test tal-coronavirus dakinhar stess li jittieħed.

Id-Deputat Prim Minsitru saħaq li pajjiżna għandu aċċess għal dan l-apparat avvanzat għaliex kien għaqli u ħa kull azzjoni proattiva possibbli fil-pront, inkluż f’investiment bħal dan.

 “Iktar ma nagħmlu testijiet f’dan l-istadju bikri, iktar inkunu f’pożizzjoni li nagħtu kura mill-ewwel lil pazjenti li huma pożittivi għall-COVID 19, u fl-istess waqt niżolawhom minnufih biex inwaqqfu milli jinfirex dan il-virus f’pajjiżna,” saħaq il-Ministru.

More in Politika