'Jekk se tikkanċella l-vaganza ta' April/Mejju għandek sa sitt xhur biex tieħu l-flus lura'

Iain Tonna mill-FATTA jitkellem ma' dan is-sit dwar ir-realtajiet li qed jiffaċċjaw l-aġenziji tal-ivvjaġġar

Jekk għandek vaganza bbukkjata matul dan ix-xahar jew Mejju u beħsiebek tikkanċella, skont qbil mifthiem bejn il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Ivjaġġar u Turiżmu (FATTA) u l-Awtorità tal-Konsumatur, l-aġenzija tista' tagħtik dawn il-flus lura sa sitt xhur mill-ġurnata li fiha int tikkanċella. 

Din il-miżura qed tittieħed biex ikun assigurat li ħafna aġenziji ma' jiffaċċjawx falliment, minħabba ammont kbir ħafna ta' flus ħerġin u xejn dieħel u biex ikollhom serħan il-moħħ il-klijenti kif ukoll għexieren ta' ħaddiema fl-industrija. 

Spjega dan mal-illum.com.mt il-President tal-assoċjazzjoni Iain Tonna (ritratt ta' isfel) li qal ukoll illi din tal-kanċellazzjoni għalissa tgħodd biss -  għal dawk li għandhom vaganzi f'April u Mejju.  Kull min għandu vaganza minn Ġunju lil hemm u jikkanċella issa ma jieħu l-ebda flus.  Dan skont il-projbizzjoni ta' titjiriet li sa issa tkopri biss April u Mejju. 

Ma' dan is-sit Tonna qal illi bħalissa għaddejja kampanja biex kemm jista' jkun dawk li għandhom vjaġġ imħallas jipposponu l-vaganza mhux jikkanċellawha.  Fakkar illi ħafna mil-linji tal-ajru għalissa xorta ma jkunux jistgħu jħallsu lura r-rifużjoni u huwa għalhekk li kienet maqbula din it-tieqa ta' sitt xhur, minflok ġimagħtejn. 

Mistoqsi dwar l-aħħar pakkett finanzjarju li offra l-Gvern, Tonna qal li huwa tajjeb "għalissa" għax x'se jiġri wara li jagħlaq dan il-perjodu ħadd ma jaf.  

Fid-dawl ta' ċikolari maħruġa mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji Tonna qal illi f'każi ta' eċċezzjoni u sitwazzjonijiet li wieħed ma setgħax jevita dejjem kienu l-aġenziji li jħallsu, għalkemm ammetta wkoll li numru ta' kumpaniji tal-assigurazzjoni qed jitfgħu din l-ispiża direttament fuq l-aġenziji meta klijenti jmorru jitolbu flushom lura.

More in Politika