CSN titlob għal kontrolli fuq il-prezzijiet u traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Civil Society Network titlob li jkun hemm kontrolli fuq il-prezzijiet ta' prodotti "essenzjali" 

Is-Civil Society Network (CSN) ipproponiet li jkun hemm kontrolli fuq prezzijiet ta’ prodotti u servizzi essenzjali waqt il-kriżi tal-coronavirus li ħakmet id-dinja, kemm fuq is-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku.

"Minħabba l-kunċett tax-xiri tal-paniku, qiegħed ikun hemm inflazzjoni ta’ prezzijiet illi tista’ tpoġġi f’riskju l-benesseri ta’ bosta nies tul taż-żmien diffiċli. Il-Gvern għandu jintervjeni, bħalma diġà ilu jsir barra minn Malta, biex jaqbeż għaċ-ċittadin iż-żgħir," qalet is-CSN li kompliet tlaħħam aktar il-proposti tagħha. 

1 - Kontrolli fuq prezzijiet ta’ prodotti essenzjali

Fost l-oħrajn, CSN qiegħda tipproponi illi jiġu regolati l-prezzijiet tal-mediċini kollha, maskri mediċi, sanitizers, toilet paper, u ikel u xorb essenzjali bħar-ross, id-dqiq, frott, ħaxix, il-ħalib u l-ilma. Il-prezzijiet għandhom bħala regola ġenerali jaqilbu lura għal li kienu fit-8 ta’ Marzu 2020.

Importanti wieħed ifakkar illi l-prezzijiet tal-ikel baqgħu telgħin aktar kemm kibret l-ekonomija u kienu l-akbar kontributur għall-inflazzjoni fl-aħħar xhur. 

2 Tnaqqis u kontroll fuq kontijiet tad-dawl u tal-ilma

Apparti dan, kontrolli fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. "Ladarba hemm tnaqqis fil-prezz globali tal-gass, m’hemmx għaliex ma jitnaqqsux jew almenu jiġu mnaqqsa għal-livell stabbli il-kontijiet tad-dawl u l-ilma tul dawn ix-xhur.," qalet CSN.

Il-PN ukoll qed jipproponi tnaqqis tal-kontijiet speċjalment fid-dawl tal-fatt illi l-prezzijiet taż-żejt issa niżlu f'livelli baxxi. 

3 - Task Force għall-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali

Il-kontrolli tal-prezzijiet ikun simili bħal ma qiegħed isir f’pajjiżi Ewropej oħra, fosthom Franza. CSN qed tipproponi li biex jiġu segwiti l-prezzijiet, għandu jkun hemm task force speċjali appuntat mill-Gvern li jista’ japprova tibdil fil-prezzijiet. "F’mumenti ta’ emerġenza bħal din, diġà hemm bażi legali biex tkun tista’ tiġi attwati miżura bħal din, illi jkollha żmien limitat, u li tista’ tkun riveduta minn żmien għal żmien jew meta tintalab lill-Gvern reviżjoni mill-importaturi, distributuri jew għaqda ta’ intrapriżi biex jinbidlu l-prezzijiet konċernati<" temmet tgħid CSN.
 

More in Politika