Seba' pazjenti oħra bil-coronavirus; Tliet persuni marru x-xogħol bis-sintomi

L-anzjan ta' 72 sena għadu f'qagħda kritika iżda l-kundizzjoni klinika tiegħu qed titjieb ftit ftit

Fl-aħħar 24 siegħa, saru 738 test għall-coronavirus u seba' persuni rriżultaw pożittiv, b'sebgħa minnhom ikun każijiet ta' trasmissjoni lokali.

Il-pazjenti kollha li rriżultaw pożittiv fl-aħħar 24 siegħa huma kollha f'qagħda klinika tajba. Intant, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, spjegat kif żewġ pazjenti għadhom fit-Taqsima tal-Kura Intensiva bil-kundizzjoni tal-anzjan li jinsab f'qagħda kritika qed tmur għall-aħjar ftit ftit.

Intant, 10 pazjenti għadhom rikoverati f'Mater Dei u 16 fl-isptar St Thomas. Il-bqija jinsabu kollha d-dar tagħhom.

Fost il-pazjenti l-ġodda, kien hemm tlieta li, minkejja l-appelli li qed isiru, marru x-xogħol meta kellhom is-sintomi. Il-kollegi tagħhom tpoġġew fi kwarantina.

Każijiet ġodda

​Każ wieħed relatat mas-safar

  • Maltija ta' 22 sena. Din tiġi minn persuna li kienet marret il-Marokk u li rriżultat pożittiv fil-jiem li għaddew. Din il-persuna kienet identifikata mill-contact tracing u l-familja kollha tpoġġiet fi kwarantina.

Seba' każijiet ta' trasmissjoni lokali

  • Filippin ta' 36 sena. Ma kienx imsiefer u lanqas kellu kuntatti ma' persuni pożittivi. Kien mar ukoll ix-xogħol bis-sintomi  u qed isir contact tracing mal-kollegi. Miegħu jgħixu żewġ persuni li tpoġġew fi kwarantina
  • Malti ta' 48 sena. Ma kienx imsiefer. Dan il-persuna mar għax-xogħol meta kellu s-sintomi. Seba' kollegi tpoġġew fi kwarantina
  • Malti ta' 27 sena. Dan il-persuna wkoll mar għax-xogħol u erba' impjegati tpoġġew fi kwarantina
  • Mara ta' 59 sena. Kellha kuntatt ma' żewġ pazjenti oħra bil-coronavirus li jiġu minnha. Kienet fi kwarantina
  • Maltija ta' 43 sena. Ma kinitx taħdem u qed isir contact tracing mal-familja
  • Ħaddiema tas-saħħa ta' 26 sena. Kienet fuq il-post tax-xogħol fil-ġurnata ta' qabel ħarġulha s-sintomi. Kollegi tagħha tpoġġew fi kwarantina. Qed jiġu mmoniterjati wkoll il-pazjenti.

Uħud mill-pazjenti kellhom ukoll id-dijareja. Kif spjegat il-Professur Gauci?

Il-Professur Gauci innutat ukoll li kien hemm pazjenti li kellhom id-dijareja apparti s-sintomi l-oħra komuni. 

Il-maġġoranza tal-każi qed ikollhom sintomi respiratorji iżda qed ikun hemm ukoll sintomi gastrointestinali, bħalma huna d-dijareja, remettar u anke n-nuqqas ta' xamm u togħma.

"Dawk li jkollhom sintomi akuti għandhom iċemplulna mill-ewwel fuq in-numri 111," saħqet Gauci.

Ma hemmx għaliex ikun hemm stigma

Charmaine Gauci qalet ukoll li jinkwetaha l-fatt li jista' jkun hemm persuni li jkollhom is-sintomi u jistgħu jkunu pożittivi iżda ma jċemplux biex jagħmlu t-test għax jibżgħu.

Għalhekk tenniet l-appell tagħha biex ħadd ma jibża' jitkellem jekk ikollu sintomi akuti, anke għax huwa importanti li l-każi jkunu identifikati minn kmieni.

Innutat ukoll li qed ikun hemm xi ftit jew wisq ta' stigma fuq il-pazjenti pożittivi u insistiet li dan ma għandux ikun għax il-Covid-19 huwa virus bħal kwalunkwe virus ieħor.

"Bħalma taqbdek l-influwenza, jista' jaqbdek il-Covid," spjegat Gauci u għalhekk appellat biex dawn jingħataw is-sapport u mhux bil-kontra.

Aqra wkoll:

More in Politika