Instructor tal-karozzi tiffaċċja lil Charmaine Gauci quddiem il-PBS

Dan wara deċiżjoni tal-Gvern biex it-tagħlim tas-sewqan ikompli minkejja r-riskju tat-tixrid tal-coronavirus

Mara li taħdem bħala instructor tal-karozzi iffaċċjat lill-Professur Charmaine Gauci hekk kif din ħalliet il-PBS wara l-programm Dissett tal-bieraħ.

L-Instructor iffaċjat lil Gauci dwar deċiżjoni tal-Gvern biex it-tagħlim tas-sewqan ikun jista' jerġa' jibda jsir u dan minkejja li l-eżamijiet jinsabu sospiżi.

Fil-filmati, l-instructor tidher tistieden lil Gauci biex tidħol fil-karozza u tara kemm hemm spazju bejn ix-xufier u l-passiġġier.

Intant, fuq il-post issejħet ukoll il-Pulizija.

Ilbieraħ, dan is-sit irrapporta kif kemm il-Ministeru għat-Trasport u anke Transport Malta farfru d-deċiżjoni minn fuq spallejhom

Minn komunikazzjoni li ra dan is-sit - għall-mistoqsijiet tal-assoċjazzjoni li tieħu ħsieb lill-instructors (MDIA) - il-Ministeru għat-Trasport qal illi din l-ordni ma kinitx ġejja mill-Ministeru jew direttament minn Transport Malta. 

Jidher ukoll li f'komunikat li kien hemm mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, dan insista li l-instructors m'għandhomx jitħallew jaħdmu u li hu qed jagħmel l-almu tiegħu biex jreġġa lura d-deċiżjoni tal-Gvern.  

Ħaddiema fil-qasam qalu lil dan is-sit li ma jistgħux jifhmu kif ħarġet din l-ordni meta xogħol m'hemm kważi xejn għax l-istudenti qed jibqgħu lura milli jmorru għal-lezzjonijiet.  Qalu wkoll illi din id-deċiżjoni qed tpoġġi lill-instructors u lill-istudenti fil-periklu illi jieħdu u jxerrdu aktar il-Covid-19. 

 

More in Politika