Lejn sejħa pubblika biex jinħatar Kummissarju ġdid; Il-Parlament japprova l-metodu ġdid tal-ħatra

Se jkun qed isir proċess ta’ skrutinju mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) li se tevalwa l-applikazzjonijiet kollha u tressaq żewġ kandidati għall-għażla finali li ssir mill-Kabinet tal-Ministri

Ilbieraħ, fil-Parlament, ġie approvat il-metodu ġdid għall-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija, fejn għall-ewwel darba, il-Kummissarju se jkun qed jinħatar wara li ssir sejħa pubblika, jiġifieri għaliha jistgħu japplikaw anke nies li mhumiex fil-korp.

Wara li ssir is-sejħa pubblika, se jkun qed isir proċess ta’ skrutinju mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) li se tevalwa l-applikazzjonijiet kollha u tressaq żewġ kandidati għall-għażla finali li ssir mill-Kabinet tal-Ministri.

Il-persuna magħżula mbagħad trid tgħaddi mill-iskrutinju tal-Parlament.

Meta kien ġie mistoqsi minn din il-gazzetta dwar dan il-metodu, il-Prim Ministru kien qal li ma jridx Prim Ministru pupazz.

"Il-mudell li ħejjejna għandu diversi saffi u livelli ta' vvettjar, biss, biss se jkun hemm grilling pubbliku li jkun imxandar fuq it-televiżjoni," sostna Abela. 

"Jiena nemmen li ħriġna b'mudell li hu tant aħjar mill-mudell li ntuża sa issa u għal għexieren ta' snin. Jiena irrid li l-persuna magħżula bħala Kummissarju ma tkunx pupazz f'idejn il-politiċi," sostna l-Prim Ministru. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, iddeskriva din il-liġi bħala waħda rivoluzzjonarja

"Din hi bidla oħra favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Bidla oħra ta’ gvern li jirriforma l-pajjiż biex ikun lest għall-futur,” saħaq il-ministru.

More in Politika