'Tiġux fi gruppi iżda importanti li nibqgħu nagħtu d-demm'

Il-gazzetta ILLUM titkellem mad-Direttur taċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm dwar id-donazzjonijiet tad-demm bħalissa fid-dawl tal-imxija tal-Covid-19 u l-appelli biex in-nies ma joħorġux. Ir-riżerva tad-demm b’saħħitha? Kif se jinħoloq bilanċ bejn l-appell biex in-nies ma joħorġux u biex id-donazzjonijiet tad-demm ma jiqfux? Kemm hemm bżonn donaturi kuljum? Hemm riskji għad-donaturi? X’miżuri qed jieħu ċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm?

Wieħed mill-aktar appelli li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jisħqu fuqu matul dawn il-jiem, biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19, hija biex in-nies jibqgħu ġewwa u ma joħorġux jekk mhux neċessarju. Madanakollu, anke f’dawn il-jiem, id-donazzjoni tad-demm tibqa’ importanti għax ħafna pazjenti, partikolarment dawk morda bil-kanċer, jiddependu minn din il-ġenerożità tal-poplu Malti.

Kif se jinħoloq bilanċ bejn l-appell tal-awtoritajiet biex kemm jista’ jkun nibqgħu fid-djar tagħna u l-importanza li nassiguraw li r-riżerva tad-demm tibqa’ waħda b’saħħitha? Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet mat-Tabib Alex Aquilina li huwa d-Direttur taċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm flimkien ma’ Tony Micallef, infermier, li huwa responsabbli mir-relazzjoni mal-pubbliku u mad-donaturi.

Nibdew fuq nota pżittiva. Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni ftit tal-ġimgħat ilu, meta l-gazzetta ILLUM żaret dan iċ-ċentru, it-Tabib Aquilina spjega kif bħalissa r-riżerva tad-demm hija waħda tajba ħafna.

Dan huwa riżultat tal-fatt li dawk l-operazzjonijiet li mhumiex meqjusa urġenti, bħal pereżempju knee jew hip replacements u li normalment jirrikjedu l-għoti tad-demm, bħalissa mhux qed isiru, bl-għan li s-servizz nazzjonali tas-saħħa jkun jista’ jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-Coronavirus.

Fil-fatt, Aquilina spjega kif normalment ikun hemm bżonn 50 borża demm kuljum. Bħalissa, peress li qed isiru inqas operazzjonijiet, qed jintużaw bejn 30 u 35 borża demm kuljum.

Anke jekk id-donaturi naqsu, għax ħafna nies qed jikkoperaw mal-awtoritajiet u qed jilqgħu l-appelli biex jibqgħu ġewwa, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-demm qed jilqa’ madwar 30 donatur kuljum u allura, fi kliem it-Tabib Aquilina, qed jinħoloq bilanċ tajjeb.

“Importanti li almenu, kuljum, jibqgħu jiġu 30 donatur. Jekk le, imbagħad se jkollna l-problemi,” insista t-Tabib.

‘Jekk ma jkunx hemm demm, mhux bil-Coronavirus se jmutu n-nies’

Fil-fatt, anke jekk l-operazzjonijiet mhux urġenti mhux qed isiru, dawk urġenti, bħal ngħidu aħna tal-kanċer, ma jistgħux jieqfu.

“Pazjenti tal-kanċer ma jistgħux jieħdu trattament jekk ma jkunx hemm demm,” insista Aquilina. Fakkar ukoll fin-nisa tqal. Fi kliemu, jekk jinqalgħu kumplikazzjonijiet fit-tqala u jkun hemm bżonn interventi, id-demm huwa importanti u prezzjuż immens.

“Jekk ma jkunx hemm demm, mhux bil-Coronavirus se jmutu n-nies,” insista t-Tabib Aquilina biex jinsisti dwar l-importanza li r-riżerva tad-demm tibqa’ b’saħħitha.

Fil-fatt, anke jekk bħalissa r-riżerva hija waħda tajba, għax qed jintużaw biss madwar 35 borża demm kuljum, ħadd ma jista’ jbassar x’se jiġri għada.

“X’jiġri jekk għada jseħħ inċident kbir? X’se jiġri jekk ikollok ħabta kbira bejn tliet vetturi u jweġġgħu diversi persuni?” staqsa Aquilina. Fil-fatt, fi kliemu, anke jekk dawn huma każijiet rari, ġieli kien hemm ċirkostanti fejn persuna waħdu ġieli jkollu bżonn madwar 60 borża demm.

Propju għalhekk li biex ir-riżerva tad-demm tkun meqjusa sigura, irid ikun hemm riżerva biżżejjed ta’ bejn erba’ u ħamest ijiem. Fi kliem sempliċi, qatt mhux biżżejjed u l-ebda borża demm ma hi żejda.

X’prekawzjonijiet ittieħdu fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm?

Iżda jibqa’ l-fatt li jkun hawn min jibża’ joħroġ minn dahru u jmur jagħti d-demm. Dwar dan tkellimna wkoll mat-Tabib Aquilina li spjega kif ir-riskju qatt ma jista’ jkun eliminat għalkollox, għax wara kollox il-virus hawn se jibqa’, iżda insista li ċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm joffri fost l-aktar ambjenti siguri bħalissa.

“Aktar sigur tiġi hawn u tagħti d-demm milli tmur is-supermarket,” saħaq mal-ILLUM.

Fil-fatt, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ħa l-prekawazjonijiet kollha meħtieġa biex ikun żgurat il-ħarsien tas-saħħa tad-donaturi. Għalhekk, malli donatur jasal, qabel jidħol, qed titteħidlu t-temperatura biex ikun żgurat li ma għandux deni. Wara jingħata struzzjonijiet biex jaħsel sew idejh u tinżamm id-distanza mhux biss bejn id-donaturi, iżda anke bejn id-donaturi u l-infermiera, fost miżuri oħra bħal tindif kontinwament taċ-Ċentru.

‘Tiġux fi gruppi’

It-Tabib Aquilina, flimkien mal-infermier Micallef, appellew biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm ħafna nies f’salt. Fil-fatt, anke jekk ikun hemm aktar minn donatur wieħed, dawn qed jiddaħħlu ftit ftit fiċ-Ċentru.

“Is-soltu nappellaw biex tiġu tagħtu d-demm fi gruppi. Illum l-appell tagħna huwa bil-kontra. Tiġux fi gruppi. Ejja waħdek jew almenu ma’ persuna waħda oħra,” appella Tony Micallef.

Il-Covid-19 jista’ jkun trasmess mid-demm?

Kien hemm ukoll min staqsa, fuq il-midja soċjali jekk il-Covid-19 jistax ikun trasmess bid-donazzjoni tad-demm. Il-Coronavirus għandu perjodu ta’ 14-il ġurnata inkubazzjoni, jiġifieri s-sintomi jistgħu joħorġu sa 14-il ġurnata wara li persuna tkun ħadet il-virus. 

Għalhekk, staqsejna lit-tabib jekk hemmx riskju li pazjent li għandu l-Coronavirus u ma jafx, imur biex jagħti d-demm u l-virus ikun trasmess permezz tad-demm.

Serħilna minnufih rasna li, sa issa, ma hemm l-ebda evidenza li l-Covid-19 ikun trasmess mid-demm.

Fil-fatt, dan il-virus jaffettwa t-tessuti tal-pulmun u mhux id-demm. Għaldaqstant, huwa jkun trasmess biss bi qtar, bħal ngħidu aħna dak ikkawżat mis-sogħla, l-għatis jew il-kliem. Dan jista’ jmur fil-ħalq jew fl-imnifsejn tal-persuna li tkun fil-viċin u jista’ jaqa’ fuq uċuħ, bħal dawk tal-imwejjed.

Għalhekk, fi kliem it-Tabib, anke jekk persuna għandha s-sintomi u tat id-demm, ir-riskju li l-virus ikun trasmess b’dan il-mod huwa “remotissimu.”

Kompla jisħaq li x-xjenza qatt ma taqta’ linja u tgħid li ħaġa, 100%, ma tistax tkun. Madanakollu, meta x-xjenza tgħid li xi ħaġa hija “remottisma” (extremely unlikely) hija l-eqreb li tista’ tkun għall-100%. 

Għaldaqstant tenna l-appell tiegħu biex ħadd ma jibża’ jmur jagħti d-demm u serraħ ras dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn id-demm li għalihom ma hemmx riskju.

Fil-jiem li ġejjin fejn nista’ nagħti d-demm?

Iċ-ċentru tal-għoti tad-demm ikun miftuħ kuljum bejn it-8:00am u s-6:00pm.

Nhar il-Ħadd li ġej, il-Mobile Blood Donation Unit se jkun ħdejn il-Knisja ta’ Ħad-Dingli, bejn it-8:30am u s-1:00pm.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit www.blood.gov.mt jew ċempel fuq: 80074313 / 79307303.

More in Politika