Il-Ministeru għat-Trasport u Transport Malta ifarfru s-sospensjoni minn fuq spallejhom

Ħadd ma jrid jerfa' responsabilità għal deċiżjoni mill-aktar stramba biex is-sospenjoni tal-lezzjonijiet tas-sewqan titreġġa' lura

Teżisti rabja kbira fost l-instructors tas-sewqan, wara li lbieraħ kienet sospiża l-ordni li ngħatat minn Transport Malta nhar il-Ġimgħa biex ma jsirux aktar lezzjonijiet tas-sewqan.  Għal xi raġuni stramba din is-sospensjoni ġiet irtirata u lbieraħ tħabbar illi l-lezzjonijiet tas-sewqan jistgħu jsiru. 

Minn komunikazzjoni li ra dan is-sit - għall-mistoqsijiet tal-assoċjazzjoni li tieħu ħsieb lill-instructors (MDIA) - il-Ministeru għat-Trasport qal illi din l-ordni ma kinitx ġejja mill-Ministeru jew direttament minn Transport Malta.  Jidher ukoll li f'komunikat li kien hemm mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, dan insista li l-instructors m'għandhomx jitħallew jaħdmu u li hu qed jagħmel l-almu tiegħu biex jreġġa lura d-deċiżjoni tal-Gvern. 

Ħaddiema fil-qasam qalu lil dan is-sit li ma jistgħux jifhmu kif ħarġet din l-ordni meta xogħol m'hemm kważi xejn għax l-istudenti qed jibqgħu lura milli jmorru għal-lezzjonijiet.  Qalu wkoll illi din id-deċiżjoni qed tpoġġi lill-instructors u lill-istudenti fil-periklu illi jieħdu u jxerrdu aktar il-Covid-19. 

Meta lbieraħ tħabbar illi ġiet mreġġa lura s-sospensjoni, ma kienx spjegat għalfejn.

Dalgħodu anke s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet illi qed isiru diskussjonijiet dwar din id-deċiżjoni, li fil-fatt tmur dijametrikament kontra l-ordinijiet tal-istess awtoritajiet tas-saħħa biex ma jkunx hemm kuntatt bejn persuni mhux membri tal-familja.

More in Politika