Il-PN jipproponi tnaqqis ta' 50% fil-kontijiet tad-dawl u sussidju għall-ilma

Il-PN jipproponi tnaqqis ta' 50% fil-kontijiet tad-dawl u sussidju ta' darba għall-ilma

Waqt konferenza tal-Aħbarijiet il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius ressaq sitt proposti li jirrigwardaw l-enerġija, bl-ewwel proposta tkun illi l-Gvern inaqqas il-kontijiet tad-dawl b'50%.  Agius qal li dan huwa possibbli għaliex il-prezz taż-żejt ħa daqqa kbira l-isfel u bħalissa qed jinbiegħ b'$12-il barmil.  "Il-kalkoli li għamilna huwa li b'dan it-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt il-pajjiż qed jiffranka €86 miljun f'sena." 

"Kieku l-Gvern u m'għamilx ftehim li permezz tiegħu xi ħadd qed jaqla' €5,000 kuljum ... kieku m'għamilx ftehim ma' kumpanija privata għal 18-il sena, kieku llum konna nistgħu nagħmluha xi ħaġa bħal din," qal Agius.

Il-proposta tal-PN hija retroattiva hekk kif ir-roħs propost għandu jibda mid-9 ta' Marzu.

It-tieni proposta tal-PN hija li jitnaqqsu l-prezzijiet tal-fjuwil, hekk kif ġara - jgħid Agius - fl-Ewropa fejn hemm traħħis medju ta' 10ċ.  "Mill-kalkoli tagħna nemmnu li l-pezzijiet għandhom jonqsu b'30ċ."

It-tielet proposta hija dik li l-Gvern iżid il-limitu tal-eko kontribuzzjoni u dan hekk kif mistenni li l-familji - bħalissa d-dar - jirċievu kontijiet ogħla.  Fakkar illi l-limitu ta' 1,750 unit biex tgawdi minn din il-kontribuzzjoni żgur illi se jkun qed jinqabeż u għalhekk din trid titwessa'.

Ir-raba' proposta li qed iressaq il-PN huwa li jitraħħas jew jingħata sussidju għall-ilma, li mill-ġdid mistenni jara l-konsum tiegħu jiżdided. 

Il-ħames proposta huwa li l-Gvern jissusidja l-kera tas-servizzi ta' dawl u ilma, speċjalment lil dawk il-ħwienet u nies li jaħdmu għal rashom. 

Finalment, il-PN qed jappella lill-Gvern biex minnufih jibda ġlieda kontra s-serq tad-dawl. 

Prreżenti kien hemm ukoll id-Deputati Nazzjonalisti Robert Cutajar u Edwin Vassallo

More in Politika