19-il każ ġdid ta' coronavirus f'Malta; L-impjegat tal-Lidl mar ix-xogħol bis-sintomi

Charmaine Gauci saħqet li l-kuntatt tal-impjegat tal-Lidl mal-klijenti jkun wieħed minimu iżda dawn xorta għandhom jimmoniterjaw is-sintomi tagħhom

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci qalet li fl-aħħar 24 siegħa Malta kellha 19-il każ ġdid ta' coronavirus. Dan ifisser li f'jumejn, żdiedu 32 pazjent u issa Malta għandha 188 każ.

Waqt l-aġġornament ta' kuljum, Gauci spjegat kif 14-il każ minn dawn tal-aħħar 24 siegħa huma każi ta' infezzjonijiet lokali, filwaqt li l-ħamsa l-oħra huma relatati ma' safar. Il-pazjenti kollha jinsabu f'qagħda tajba. 

Fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, għad hemm żewġ anzjani, inkluż l-anzjan li għadu f'qagħda kritika.

Intant, mal-pazjenti l-ġodda hemm ukoll anzjana li kienet rikoverata l-isptar Mater Dei u ħarġulha s-sintomi. Għalhekk minnufih beda jsir il-contact tracing mat-tobba u l-infermiera li ġew f'kuntatt magħha u anke mal-pazjenti l-oħra fl-istess sala.

L-impjegat tal-Lidl baqa' jmur ix-xogħol minkejja li kellu s-sintomi; X'għandhom jagħmlu l-klijenti?

Gauci tkellmet ukoll dwar il-każ tal-impjegat tal-Lidl ta' Ħal Safi li rriżulta pożittiv għall-coronavirus. Dan il-persuna, Malti ta' 23 sena, ma kienx imsiefer u peress li s-sintomi tiegħu kienu ħfief dan baqa' jmur għax-xogħol. 

Fl-aħħar sigħat sar ukoll kuntatt mal-impjegati l-oħra filwaqt li Gauci saħqet li t-tmexxija tal-istabbiliment ikkooperat ħafna tant li anke ingħataw struzzjonijiet dwar kif għandu jitnaddaf u jkun iddiżinfettat l-istabbiliment.

Dwar il-klijenti li fl-aħħar jiem marru jixtru minn dan l-istabbiliment, Charmaine Gauci spjegat li l-kuntatt ta' dan l-impjegat mal-klijenti jkun wieħed minimu, madanakollu appellat lill-istess klijentil, li marru jixtru bejn is-26 ta' Marzu u lbieraħ il-31 ta' Marzu, biex jekk ikollhom is-sintomi, iċemplu minnufih in-numru 111.

Ta' min ifakkar li l-aktar sintomi komuni huma s-sogħla, id-deni, l-uġigħ fil-griżmejn, l-uġigħ fil-muskoli, il-qtugħ ta' nifs, l-għejja u anke n-nuqqas ta' xamm u togħma.

Il-każi tal-lum:

Trasmissjoni lokali li s-sors tal-virus mhux magħruf

  • Żagħżugħ ta' 23 sena li jaħdem il-Lidl. Mar ix-xogħol bis-sintomi. Sar contact tracing mal-kollegi u l-qraba tiegħu
  • Tfajla ta' 24 sena li bdiet bis-sintomi fl-20 ta' Marzu
  • Mara ta' 45 sena li bdiet bis-sintomi fid-29 ta' Marzu
  • Mara ta' 62 sena li kienet ilha ftit bis-sintomi fuqha
  • Maltija ta' 56 sena li bdiet bis-sintomi fid-28 ta' Marzu
  • Malti ta' 33 sena li beda bis-sintomi fid-29 ta' Marzu
  • Malti ta' 22 sena li beda bis-sintomi fit-30 ta' Marzu
  • Malti ta' 64 sena li beda bis-sintomi fis-26 ta' Marzu
  • Raġel ta' 42 sena li ma setax jidentifika meta bdew is-sintomi
  • Mara ta 22 sena li beda bis-sintomi fil-31 ta' Marzu
  • Malti ta' 33 sena li ma setax jidentifika meta bdew is-sintomi
  • Barranija residenti Malta ta' 27 sena bdiet bis-sintomi fid-29 ta' Marzu
  • Maltija ta' 65 sena li kienet Mater Dei u rriżultat pożittiva. Qed isir contact tracing tal-istaff u l-pazjenti l-oħra
  • Malti ta' 47 sena li jiġi minn pazjent ieħor li kien identifikat fil-jiem li għaddew u li s-sors tal-virus tiegħu mhux magħruf

Każi relatati ma' safar

  • Malti ta' 28 sena li ġie mill-Ingilterra fit-18 ta' Marzu. Kien fi kwarantina
  • Malti ta' 51 sena li rriżulta li dan beda bis-sintomi fit-30 ta' Marzu u kellu kuntatt ma' barrani li meta mar lura pajjiżu ġie kkonfermat bħala pożittiv
  • Malti ta' 62 sena u kien f'kuntatt ma' każ ieħor li huwa relatat ma' safar. Kien qiegħed fi kwarantina
  • Żagħżugħ ta' 19-il sena li kien Franza. Kien fi kwarantina
  • Malti ta' 33 sena. Identifikat fil-contact tracing li sar dwar każ ieħor pożittiv li kien relatat ma' safar.

L-appelli tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika:

"Importanti li min ikollu s-sintomi jċempel fuq 111. Importanti li ma tibżgħux iċċemplu għax ir-riżultat jista' jkun pożittiv. Ħafna mill-każi għandhom sintomi ħfief iżda jista' jkollok każi, fejn is-sintomi jmorru għall-agħar," saħqet Gauci. 

Appellat mill-ġdid biex min jagħmel it-test jibqa' f'iżolament sakemm jirċievi r-riżultat u anke wara ġaladarba jkollu s-sintomi.

More in Politika