'Dan mhux żmien il-weekend breaks'; L-ivjaġġar bejn il-gżejjer se jsir biss għal raġunijiet neċessarji

Vjaġġar għal skop ta' vaganza jew divertiment mhux se jkunu permessibbli

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li b'effett immedjat, l-ivjaġġar bejn Malta u Għawdex se jibda jsir biss għal raġunijiet bżonnjużi, bħax-xogħol u raġunijiet oħra mediċi.

Fuq Facebook, il-Ministru Camilleri saħaq li anke jekk il-maġġoranza tal-poplu qed isegwi l-istruzzjonijiet, hemm oħrajn li dan mhux qed jagħmluh u fakkar li hu stess kien qal li vjaġġar mhux neċessarju lejn Għawdex għandu jkun evitat.

"Dan mhux żmien il-weekend breaks, la f'Malta u lanqas f'Għawdex," saħaq il-Ministru. 

Għalhekk, min-nhar il-Ġimgħa filgħodu, se jibda jkun qed isir screening dwar ir-raġunijiet għaliex persuni tkun se tirkeb il-vapur ta' Għawdex.

Camilleri spjega li l-ivjaġġar se jsir biss għal raġunijiet ta' xogħol, raġunijiet mediċi, visti minn familjari lill-pazjenti rikoverati l-isptar, żjara lill-qraba, ġarr ta' merkanzija jew ritorn fir-residenza ordinarja.

Dan ifisser li vjaġġar għal skop ta' vaganza jew divertiment mhux se jkunu permessibbli.

"Dawn huma miżuri bla preċedent, iżda huma miżuri meħtieġa," saħaq il-Ministru.

More in Politika