Waqt li kulħadd jinsab id-dar skont BirdLife il-Gvern qed jikkunsidra li jiftaħ il-kaċċa għas-Summiena

BirdLife saħqet li jekk jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa ikun pass mill-aktar irresponsabbli tal-Prim Ministru Robert Abela

BirdLife Malta saħqet li jekk il-Prim Ministru Robert Abela jikkunsidra li jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għal speċi waħda, is-Summiena, tkun l-aktar att irresponsabbli possibbli.

Fi stqarrija, BirdLife saħaq li filwaqt li l-pubbliku qed jintalab jibqa’ d-dar fid-dawl tal-imxija tal-Covid-19, il-Kabinett talab laqgħa urġenti tal-Kumitat ORNIS biex sempliċiment jifformalizza l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.

“Il-ftuħ ta’ staġun bħal dan ikun ukoll pass mill-aktar irresponsabbli fid-dawl tal-fatt li l-kundizzjonijiet tad-deroga mid-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar – li Malta hi obbligata tosserva u tirrispetta – jirrikjedu li għal kull 1,000 kaċċatur għandu jkun hemm seba’ uffiċjali tal-pulizija jew persuni li jaraw li l-liġi tkun qed tiġi infurzata. Fid-dawl tal-fatt li l-pulizija u l-forzi tas-sigurtà huma mgħobbijin sew u involuti f’attivitajiet relatati mal-kriżi COVID-19, mhux biss ikun impossibbli għall-pulizija li tinforza l-liġi, imma l-Gvern ikun qed jonqos ukoll b’mod sfaċċat mir-responsabbiltà tiegħu jekk jiftaħ staġun bħalissa,” insistiet BirdLife.

BirdLife insistiet ukoll li fis-sitwazzjoni preżenti “l-kaċċaturi u n-nassaba mhuma qed jiddejqu xej jiġu jaqgħu u jqumu mil-liġi mil-liġu u qed joħorġu għall-kaċċa meta dan mhux permess f’dan iż-żmien tas-sena.

 

Saħqet li f’ħafna mnasab attivi qed jinqabdu ħafna għasafar tal-għana, meta l-insib fir-rebbiegħa ilu illegali għal 10 snin jew aktar.“BirdLife Malta tappella lill-Prim Ministru biex ikollu l-kuraġġ morali li jieħu deċiżjonijiet fl- interess nazzjonali. F’dan il-mument, BirdLife Malta tifhem li s-saħħa tal-pajjiż hija prijorità, imma ma tista’ taċċetta qatt li l-ħarsien tan-natura jingħata l- ġenb,” insistiet l-organizzazzjoni. “L-għaqdiet tal-kaċċa u l-insib ma jistgħux jibqgħu jżommu lill-politiċi ostaġġi u BirdLife Malta ssejjaħ lill-Prim Ministru biex jieħu pożizzjoni ċara u li ma tħalli l-ebda dubju favur l-oqsma kollha tas-soċjetà u favur in-natura inġenerali.”

BirdLife tfakkar mill-ġdid lill-Prim Ministru li hija deċiżjoni illegali li jpoġġi l-Kumitat ORNIS, il-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) u r-Regolamenti dwar il- Konservazzjoni tal-Għasafar taħt il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. 

“Skont il-liġijiet ambjentali ta’ Malta, il-Ministru Camilleri m’għandux is-saħħa legali li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kaċċa u l-insib,” insistiet BirdLife.

Temmet tappella lill-Prim Ministru biex jiddikjara ċar u tond li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall- 2020 mhux se jinfetaħ għax is-sitwazzjoni delikata li ninsabu fiha llum titlob sforz u responsabbiltà minn kulħadd. 

Intant, BirdLife ippubblikat filmati u anke ritratti li juru kif fi spazju ta’ ftit jiem biss fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, BirdLife Malta rċeviet seba’ għasafar oħra protetti li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali – tliet Spanjuletti u erba’ Bagħdan Ħomor.

More in Politika