'Xhur' biex nippruvaw li dak illi joqtol virus ġewwa test tube huwa effettiv f'pazjenti tal-Covid-19

Mad-diskussjoni dwar il-Coronavirus hemm ukoll diskussjoni dwar dan kollu meta se jgħaddi. Meta se nsibu fejqan? Meta se nsibuh dal-vaċċin?  U għalfejn il-proċess idum? L-iżviluppi fit-tfittxija għall-vaċċin ...

It-triq għall-qerda tal-Covid-19 - tip ta' Coronavirus - permezz ta' vaċċin ġdid se tkun waħda twila u forsi xi ftit agonjuża, kemm għal dawk li jitilfu ħajjithom kif ukoll għall-ekonomija tad-dinja, inkluż ta' pajjiżna.

F'dan l-artiklu se nagħtu ħarsa lejn l-iżviluppi mediċi f'testijiet li qed isiru biex ikun megħlub dan il-virus.

Hydroxychloroquine
Hydroxychloroquine

Franza u l-ittestjar permezz tal-Hydroxychloroquine

Il-Hydroxychloroquine - droga li tintuża kontra l-malarja -  kienet użata fuq 24 persuna f'Marsilja fi Franza bir-riżultati joħorġu fil-Ġurnal Internazzjoali tal-Aġenti Antimikrobjali.

L-istudju kkonkluda illi minkejja li l-kampjun kien żgħir il-Hydroxychloroquine flimkien ma' antibiotic urew tnaqqis jew tneħħija kompleta tal-virus minn diversi pazjenti.

"Wara sitt ijiem kien hemm differenza sinjifikanti bejn dawk li ħadu t-trattament u dawk li le," qal l-espert Didier Raoult li jmexxi l-istituzzjoni fejn saru dawn it-testijiet. Huwa qal illi 75% tal-pazjenti raw titjib fil-kundizzjoni tagħhom wara t-trattament. 

Huwa qal ukoll dan it-titjib kien konsiderevoli wara 48 siegħa.

L-Istitut Walter and Eliza Hall ta' Melbourne għaddejjin bi prova billi qed jgħaddi lil 2,250 ħaddiem fil-qasam tas-saħħa l-Hydroxychloroquine qabel u waqt li jkunu esposti għall-pazjenti bil-virus.

Il-Professur Mark Pellegrini, li qed imexxi l-istudju qal illi waqt li din id-droga tista’ tkun effettiva biex tittratta kundizzjonijiet tal-immunità, ir-riċerkaturi għadhom ma jafux għaliex qed tkun effettiva.

"Il-ftit li nafu huwa li din id-droga tbiddel il-mod kif iċ-ċelloli tal-ġisem jipproduċu u jqassmu l-proteini essenzjali."

Minkejja kollox iżda l-proċess hemm fejn jieħu xhur sħaħ  - kemm biex ikun hemm riżultati ċari mill-provi, kif ukoll biex ikunu trattati kwistjonijiet ta' etika.

Xhur jekk mhux snin ...

Importanti li kull darba nfakkru li hawnhekk m'aħniex qed nitkellmu fuq soluzzjoni f'qasir żmien imma fuq soluzzjoni li tista' tieħu żmien twil.
Ir-regolatur tal-Mediċini fl-Istati Uniti wissa dwar dan u għamilha ċara li għalissa l-Hyrdroxychloroquine tista' tagħmel iktar deni milli ġid. Fakkar illi hemm xhur jekk mhux snin biex wieħed jipprova illi dak li joqtol virus ġewwa test tube jista' jkun, kemm sigur kif ukoll effettiv f'pazjenti tal-Covid-19

Testijiet għaddejjin madwar id-dinja ...
Testijiet għaddejjin madwar id-dinja ...

X'inhi u x'tagħmel eżatt il-Hyrdoxychloroquine?

Hydroxychloroquine hija użata biex tratta l-Lupus Erythematosus  - magħrufa aħjar bħala Lupus - u tip ta' artrite. Hija użata wkoll biex tkun ikkurata l-malarja.

Din il-mediċina toqtol il-parassiti tal-marda.

Iċ-Ċina tirrapporta riżultati pożittivi b'mediċina Ġappuniża

Intant fiċ-Ċina - minn fejn beda dan il-virus  - l-ispeċjalisti u t-tobba qalu illi tip ta' mediċina użata fil-Ġappun kontra l-influwenza tista' tkun effettiva fuq pazjenti bil-Coronavirus.

Zhang Xinmin, uffiċjal Ċiniż fil-Ministeru għax-Xjenza u t-Tekonoloġja qal illi l-mediċina Favipiravir żviluppata minn Fuji Film ipproduċiet riżultati msejħin 'inkoraġġanti' mill-provi kliniċi f'Wuhan u Shenzhen li involvew 340 pazjent.

Zhang spjega kif dawk li ngħataw din il-mediċina f'Shenzhen irriżultaw fin-negattiv mill-virus wara medja ta' erbat ijiem, filwaq li dawk li ma ħadux kura rriżultaw fin-negattiv wara medja ta' 11-il jum.

Apparti minn dan, X-rays li saru wrew titjib fil-kundizzjoni tal-pulmun f'madwar 91% ta' dawk li kienu qed jużaw il-Favipiravir.
Minkejja dan, sors ikkwotat minn The Guardian mill-Ministeru tas-Saħħa Ġappuniż qal illi din mhijiex effettiva fuq nies b'sintomi aktar severi. "Tajna Avigan lil bejn 70 u 80 persuna, imma ma ħadmux meta l-virus immultiplika."

Fl-Istati Uniti: l-ewwel prova fuq l-umani

Fl-Istati Uniti, intant, bdew l-ewwel testijiet fuq umani. Il-ġimgħa l-oħra erba' pazjenti ngħataw titqiba fil-Faċilità tar-Riċerka Kaiser Permanente, f'Seattle.

Il-vaċċin għandu kodiċi tal-ġenetika kkopjata mill-virus. Dan il-vaċċin jismu mRNA-1273 u sar f'laboratorju. Ix-xjentisti qed jittamaw illi din il-ġenetika kkopjata tgħin biex tibni immunità tal-Covid-19 fil-ġisem.

L-esperti qalu illi biex ikun deċiż dan il-vaċċin jaħdimx jew le, se ndumu xhur sħaħ, anke jekk ix-xjentisti qegħdin iħaffu ħafna fil-proċess biex isibu vaċċin kontra dan il-virus.

Fil-fatt huwa mifhum illi biex ikun aċċessibbli għall-pubbliku dan jista' jdum madwar sena u 18-il xahar.
L-mRNA-1273, kien maħluq mill-kumpanija Amerikana tal-Bioteknoloġija Moderna u kampjuni ntbagħtu lill-Istitut Nazzjonali tal-Allerġiji u Mard Infettiv (NIAID)

.Vera li l-mediċina kontra l-HIV taħdem?

Il-Lopinavir/ritonavir li jintużaw bħala mediċina kontra l-HIV għal xi żmien intqal li jistgħu jkunu r-risposta għall-Coronavirus. 

Iżda studju li sar minn ammont ġmielu ta' tobba f'isem Nejm Group, juri illi f'każi sejri din il-mediċina mhix effettiva.

Fil-konklużjonijiet ta' rapport ippubblikat fin-New England Journal of Medicine, jintqal illi f'adulti fl-isptar bil-Covid-19 ma kienx hemm benefiċċju bejn dawk li kienu qed jingħataw il-Lopinavir/ritonavir u dawk li kienu qed jingħataw kura normali  - fost dawk li għandhom sintomi gravi ta' Covid-19.

Minkejja dan l-istudju jinnota xi differenzi żgħar skont meta ttieħdet il-mediċina.

Il-Coronavirus u l-Ebola...

Bħalissa, fit-tentattivi biex  jinstab vaċċin, qed issir rabta bejn droga li tittieħed għall-Ebola u l-Covid-19.

Qabel ma nagħtu ħarsa iżda lejn din il-mediċina, tajjeb infakkru x'inhi Ebola.

Ebola huwa virus ta' emoraġija virali u l-ewwel sintomi tiegħu jkunu influwenza, uġigħ fil-griżmejn, uġigħ fil-muskoli u deni - prattikament l-istess sintomi tal-Covid-19.

Bħal Covid-19 ġejja mill-annimali u jingħad illi l-bidu tagħha taf l-eżistenza għal tipi ta' friefet il-lejl, hekk kif kien instab li dawn kapaċi jġorru l-marda imma ma jimirdux minnha. Studji juru wkoll illi anke klieb setgħu jġorru u jgħadduha, kif ukoll ħnieżer għalkemm baqgħet qatt ma saret rabta bejn dawn it-tnejn.

B'differenza iżda l-Ebola taf il-bidu tagħha fl-Afrika, fejn hawn ukoll il-kuntatt bejn il-bniedem u ċerta annimali huwa ikbar.

Remdesivir:  Intużat fil-kura tal-Ebola
Remdesivir: Intużat fil-kura tal-Ebola

Remdesivir ...

Id-droga esperimentali Remdesivir, li ntużat biex tfejjaq l-Ebola, qed isiru studji fuqha biex jaraw tistax tiġġieled il-Covid-19 ukoll.
Il-kumpanija Gilead Sciences qalet ftit ġimgħat ilu illi r-Remdesivir uriet ukoll ammont ta' suċċes fit-trattament tas-SARS u l-MERS li huma tipi oħrajn ta' Coronavirus.

Intant din il-ġimgħa din il-mediċina ngħatat status speċjali ta' Orphan Drug. Dan l-istatus huwa magħmul għal mediċini li jfejqu ċertu mard u allura l-produzzjoni tad-droga tkun inċentivata.

(Il-gazzetta ILLUM u s-sit illum.com.mt se jkomplu jaġġornawkom fiż-żmien li ġej bl-iżviluppi fil-qasam mediku fir-rigward tal-Covid-19)

More in Politika