Jekk tkun fi grupp ta' aktar minn tlieta fil-pubbliku, int u l-grupp kollu se jaqla' multa

Il-Ministru Byron Camilleri jħabbar multa ta' €100 għal kull persuna li tkun fi grupp ta' aktar minn tlieta minn nies fil-pubbliku

 Gruppi ta' tlieta minn nies li jinqabdu fil-pubbliku flimkien se jingħataw multi ta' €100 kull wieħed, taħt liġi li se tiddaħħal biex b'hekk ikun infurzat il-kunċett ta' distanzjar soċjali minħabba l-coronavirus. 

Il-multa tħabbret mill-Ministru tal-Intern Byorn Camilleri iktar kmieni llum.  Huwa qal ukoll li kien hemm qbil unanimu fil-Kabintt biex din il-miżura tidħol fis-seħħ.

Din il-miżura se tkun qed tiddaħħal hekk kif ilbieraħ diversi tawha għall-midja soċjali biex jirrapportaw dwar folol ta' nies f'postijiet bħall-Buġibba u anke l-Ġnejna, kif ukoll jum qabel festa pubblika. 

Il-Ministru Camilleri qal illi l-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin qed isegwu l-appelli u t-twissijiet għalkemm saħaq illi kien irrabjat għal dawk li ddeċidew li joħorġu xorta.  "Ma nistgħux nippermettu li l-ftit irresponsabbli jfixklu t-tajjeb li sar sa issa." 

Il-Ministru qal illi t-Taqsima tal-Klieb u l-Kavallerija se jintużaw fiż-żoni rurali minn għada biex ikun aċċertat li kull min jinsab fil-kampanja qed josserva din il-liġi. 

Eżenti se jkunu il-waqfiet għat-trasport pubbliku għalkemm in-nies xorta jridu jżommu bogħod minn xulxin.  Dan filwaqt li l-WIfi f'postijiet pubbliċi - bħal ġonna -  se jkun limitat.

 

 

More in Politika