Il-ġenituri jitħallew jikkumpanjaw tfal pożittivi bil-coronavirus li jkollhom bżonn kura fl-isptar

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci ikkonfermat li f'każ ta' tfal pożittivi għall-coronavirus u li jkollhom bżonn kura f'Mater Dei, ġenituri jitħallew jibqgħu magħhom

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci spjegat kif f'każ li jkun hemm tfal żgħar li jirriżultaw pożittivi għall-coronavirus, il-ġenituri qed jingħataw iċ-ċans li joqgħodu mat-tfal jekk ikun hemm bżonn jiddaħħlu għall-kura fl-isptar.

Meta mistoqsija mill-ġurnalisti, waqt l-aġġornament ta' kuljum, Gauci spjegat kif minħabba li l-ġenituri jkunu ħafna ħin mat-tfal, iċ-ċans huwa li jkunu ġew esposti għall-virus u għalhekk, f'każ li t-tfal ikollhom bżonn kura f'Mater Dei, il-ġenituri qed jitħallew joqogħdu magħhom.

"Jekk persuna se jkollha bżonn tidħol l-isptar din se ddum u għalhekk jinżammu magħhom ukoll," spjegat Gauci. "Il-ġenitur, jekk mhux pożittiv, se jkun qed jieħu l-prekawzjonijiet kollha, fejn anke jitlibbes maskla."

Madanokollu fakkret li kien hemm każijiet, anke f'Malta, fejn tifel inżamm id-dar għax il-kundizzjoni medika tiegħu kienet waħda tajba u s-sintomi kienu ħfief.

F'akżi bħal dawn, xorta waħda huwa importanti li jkun hemm distanza soċjali kemm jista' jkun biex dejjem jonqos ir-riskju li aktar familjari jieħdu l-virus.

More in Politika