F'24 siegħa jsiru 585 test għall-coronavirus; Tnejn biss jirriżultaw fil-pożittiv

Erba' pazjenti jinsabu rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci spjegat kif fl-aħħar 24 siegħa saru 585 test, rekord ta' numru ta' testijiet u rriżulta li kien hemm żewġ persuni biss pożittivi għall-coronavirus biex hekk ifisser li Malta issa għandha 151 każ.

Minkejja li n-numru ta' pazjenti ġodda huwa wieħed żgħir u kollox qed jindika li l-coronavirus qed jinżamm taħt kontroll, Charmaine Gauci insistiet li "din hija l-bidu tal-kurva tagħna," u għalhekk l-appell huwa biex kulħadd jibqa' jikkopera u jobdi r-regoli u l-miżuri biex in-numru ta' każijiet ġodda jibqa' baxx.

L-appell, b'mod partikolari, japplika għall-persuni vulnerabbli. Fil-fatt, bħalissa, fit-Taqsima tal-Kura Intensiva hemm erba' persuni li rriżultaw pożittiv għall-coronavirus.

Nifhem li llum il-Ħadd u t-temp huwa sabiħ imma ejja ma nirriskjawx. Hemm barra hemm nies li għandhom il-virus u hemm ċans kbir li inti tista' tiltaqa' ma' persuna oħra Charmaine Gauci

L-anzjan ta' 72 sena għadu f'qagħda kritika. Ilbieraħ, iddaħħlu wkoll fl-ITU żewġ pazjenti oħra li kienu rikoverati fil-ward iżda li kellhom bżonn aktar monitoraġġ.

Intant, l-anzjan ta' 61 sena li kellu kumplikazzjonijiet, inħareġ mill-ITU u ttella' fl-Infection Disease Unit.

Madanakollu, fl-ITU, matul il-lejl, iddaħħal ukoll anzjan ieħor li kellu bżonn kura intensiva iżda għalissa għadhom qed isirulu t-testijiet biex ikun magħruf jekk ma għandux il-coronavirus

Iż-żewġ każi l-ġodda:

  • ​Mara Maltija ta' 53 sena. Din kellha ħafna mis-sintomi, inkluż is-sintomi ta' nuqqas ta' tomgħa u xamm, apparti d-deni u s-sogħla. Din il-persuna ma sifritx iżda persuna li jiġi minnha siefer l-Ingilterra u kellu xi sintomi ftit wara. Dawn kienu fi kwarantina. Apparti minn hekk, fl-istess familja, kien hemm persuna li kellu kundizzjonijiet mediċi u minflok baqa' magħhom fl-istess dar fi kwarantina, mar jgħix post ieħor
  • Malti ta' 39 sena. Ma kienx imsiefer iżda jaħdem ma' kumpanija privata u kien hemm xi ħadd fuq ix-xogħol li kien imsiefer u kellu xi sintomi. Sar contact tracing fl-istess kumpanija

Pulizija qed iduru t-toroq illum...

Is-Supretendent tas-Saħħa pubblika tenniet l-appell tagħha biex in-nies jibqgħu kemm jista' jkun ġewwa.

'Nifhem li llum il-Ħadd u t-temp huwa sabiħ imma ejja ma nirriskjawx. Hemm barra hemm nies li għandhom il-virus u hemm ċans kbir li inti tista' tiltaqa' ma' persuna oħra," saħqet Gauci.

Spjegat li llum uffiċjali tal-Pulizija qed iduru postijiet fejn hemm aktar riskju li jiltaqgħu n-nies bil-għan li jispjegaw lil dawk li forsi ma waslilhomx il-messaġġ biex jibqgħu ġewwa.

More in Politika