Coronavirus | 'Għandna nieħdu l-eżempju ta' Malta' - Uffiċjal tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa

Id-Direttur Reġjonali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa għall-Ewropa Hans Kluge awgura lill-Ministru Chris Fearne għall-miżuri li qed tieħu Malta

Id-Direttur Reġjonali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa għall-Ewropa Hans Kluge kiteb fuq Twitter biex jawgura lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għall-miżuri li ġew introdotti f'Malta bil-għan li tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.

Hans Kluge saħaq li "Malta tinsab fit-triq it-tajba" filwaqt li kompla jinsisti li pajjiżi oħra għandhom isegwu l-eżempji ta' Malta.

Malta sa issa kellha 149 każ ikkonfermat ta' Coronavirus b'żewġ persuni fiequ għal kollox.

Tliet persuni jinsabu rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva b'anzjan wieħed jinsab f'qagħda kritika.

Il-maġġoranza assoluta tal-pazjenti jinsabu f'iżolament fid-dar tagħhom hekk kif is-sintomi tagħhom huma ħfief.

L-istrateġija li qed tuża Malta bil-għan li l-imxija tinżamm taħt kontroll hija li jsiru kemm jista' jkun testijiet biex il-każi jkunu identifikati kmieni u għalhekk ikun jista' jsir il-contact tracing aktar effettiv u aktar persuni jitpoġġew taħt kwarantina, biex hekk, il-każijiet ma jkomplux jinfirxu.

More in Politika