Jekk minn għada se tkun taħt lockdown għalxiex tista' toħroġ? L-ILLUM tispjega

Pass pass il-liġi l-ġdida li se tidħol fis-seħħ minn għada u li tolqot kważi kwart tal-popolazzjoni Maltija

Illejla, il-Gvern ippubblika kjarifika għal-lockdown li ħabbar ilbieraħ għall-anzjani u anke għall-persuni vulnerabbli, hekk kif min għada, is-Sibt 28 ta' Marzu, dawn qed ikunu mitluba, bil-liġi biex jibqgħu d-dar.

Din il-liġi tapplika għal dawn il-persuni:

  • Persuni ta' aktar minn 65 sena
  • Dijabetiċi fuq l-insulina
  • Persuni li qegħdin fuq mediċina 'biological'
  • Pazjenti tal-kanċer f'dawn l-aħħar sitt xhur
  • Persuni li għandhom 'imune supression'
  • Persuni li qegħdin fuq 'dialysis'
  • Nisa tqal
  • Persuni li għandhom mard respiratorju u li fl-aħħar sitt xhur daħlu l-isptar
  • Persuni b'mard tal-qalb u li fl-aħħar sitt xhur daħlu l-isptar jew li kellhom bżonn intervent kirurġiku
  • Persuni li jmorru l-klinika tal-'heart failure'
  • Persuni li qegħdin fuq 'oral steriods'

​​​X'jistgħu jagħmlu u x'ma jistgħux jagħmlu dawn il-persuni?

Preferibbilment mid-dar, dawn in-nies ma joħorġux, iżda jekk ma jistgħux jagħmlu mod ieħor japplikaw dawn l-eżenzjonijiet:

  • Jattendu appuntamenti mediċi jew biex jirċievu xi kura jew trattament mediku
  • Jixtru ikel, mediċina u neċessitajiet oħra
  • Jattendu ħtiġijiet personali li huma assolutament essenzjali jew urġenti

Dawn huma biss ir-raġunijiet għalxiex jistgħu joħorġu u dawn għandhom jassiguraw li ma jdumux aktar milli jeħtieġ u jżommu d-distanza minn persuni oħra.

X'jgħodd bħala ħtiġijiet personali bażiċi u urġenti?

Persuna vulnerabbli tista' toħroġ:

  • Għal xogħol essenzjali għal ħin limitat
  • Jekk jeħtieġ teżerċita l-aċċess favur uliedha skont l-ordni ta' Qorti kompetenti
  • Jekk trid titma' u tikkura l-annimali tagħha u li jinsabu f'post ieħor barra mid-dar
  • Jekk ikun hemm bżonn tmur il-bank

U min jgħix magħhom? 

Persuni li jgħixu magħhom jistgħu jmorru biss

  • ix-xogħol,
  • jagħmlu xiri essenzjali,
  • jattendu għal appuntamenti mediċi u
  • jeżerċitaw l-aċċess favur uliedhom skont ordni tal-Qorti

Ovvjament, jekk possibbli jsir xogħol mid-dar, dan ikun aħjar

Hemm persuni vulnerabbli li jistgħu jkunu kompletament eżentati

  • Persuni vulnerabbli li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa
  • Persuni vulnerabbli li huma f'pożizzjonijiet ta' tmexxija f'oqsma essenzjali

Dawn il-persuni vulnerabbli jistgħu jibbenfikaw mill-miżuri finanzjarji mħabbra mill-Gvern?

  • Iva, jgħoddu għalihom l-istess miżuri

Kemm se ddum fis-seħħ din il-miżura?

  • Din tibqa' fis-seħħ sakemm ikun hemm struzzjonijiet oħra mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika

More in Politika