Qed tħossok waħdek? Trid tgħid kelma? Ċempel 1772

Numru ta’ professjonisti se jkunu qed jisimgħu u jagħtu pariri lil dawk illi qed iħossuhom weħidhom aktar mis-soltu f’dan iż-żmien ferm diffiċli.

Ċempel il-helpline 1772 jekk qed tħossok waħdek, iżolat jew sempliċiment tixtieq tgħid kelma. Il-helpline tnieda mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u mis-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Silvio Parnis, waqt konferenza tal-aħbarijiet virtwali.

Il-helpline hu operat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), 24 siegħa kuljum. Numru ta’ professjonisti se jkunu qed jisimgħu u jagħtu pariri lil dawk illi qed iħossuhom weħidhom aktar mis-soltu f’dan iż-żmien ferm diffiċli.

Il-Ministru Michael Falzon sostna li l-gvern hu konxju li minbarra problemi b’rabta ma’ saħħa fiżika, se niltaqgħu wkoll ma’ sfidi mentali bħal ansjetà, dipressjoni u oħrajn. Kulħadd għandu dritt jibqa’ jgħix ħajja b’interazzjonijiet, komunikazzjoni u mħabba. Nafu li f’dan iż-żmien dawn se jkunu iktar diffiċli li jsiru, qal il-Ministru Falzon.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis appella lil dawk l-aktar vulnerabbli biex ikomplu jirrikorru għal kull tip ta’ għajnuna, kemm dik materjali kif ukoll għal servizzi ta’ helpline bħal dawn. Spjega li flimkien se negħlbu dan il-mument diffiċli, iżda jeħtieġ reżiljenza u sagrifiċċju.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti u t-Terapista tal-Familja Charles Azzopardi li jmexxu l-Istitut għat-Terapija tal-Familja f’Malta, saħqu li dan hu servizz psikoloġiku li qed jingħata biex tinżamm is-sanità mentali f’dawn il-mumenti.

L-għan aħħari hu li kemm jista’ jkun ħadd ma jbati mis-solitudni, u permezz ta’ aktar solidarjetà u empatija nnaqqsu kemm jista’ jkun effetti psikoloġiċi negattivi.

 

More in Politika