Ħames każi ġodda ta' coronavirus; Erbgħa kienu trasmissjoni lokali

Mill-każi kollha, żewġ pazjenti biss jinsabu rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva

Fl-aħħar 24 siegħa, hekk kif saru 432 test fiċ-ċentri li twaqqfu apposta, ħames persuni rriżultaw pożittiv u għall-ewwel darba l-maġġoranza kienu ta' trasmissjoni lokali. Wieħed mill-pazjenti rriżulta pożittiv meta daħal Mater Dei biex issirlu operazzjoni.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci saħqet kif wieħed miż-żewġ pazjenti li kien rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU) inħareġ, iżda lbieraħ daħlet ukoll mara ta' 60 sena li l-kundizzjoni tagħha hija waħda stabbli.

L-anzjan ta' 61 sena li kien żviluppa kumplikazzjonijiet, għadu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva wkoll iżda jinsab f'qagħda stabbli.

B'kollox, f'Mater Dei u fl-isptar St Thomas hemm 32 pazjent. Il-bqija tal-pazjenti jinsabu d-dar tagħhom fejn qed ikunu mmoniterjati.

Każ wieħed relatat ma' safar

  • Malti ta' 23 sena li jgħix l-Ingilterra. Dan kellu s-sintomi l-għada li wasal Malta u għalhekk qed isir contact tracing mal-persuni li kienu bilqiegħda viċin tiegħu fuq l-ajruplan u passiġġiera oħra. Mal-pazjent jgħixu żewġ persuni

Każi ta' trasmissjoni lokali

  • Malti ta' 23 sena. Dan kien jaħdem ma' pazjent ieħor li rriżulta pożittiv. Dan kien identifikat waqt il-contact tracing. Żewġ kollegi oħra li jaħdmu miegħu qed ikunu mmoniterjati u tpoġġew fi kwarantina. L-istess żewġt iqraba tiegħu
  • Malti ta' 32 sena. Dan ir-raġel irriżulta pożittiv meta daħal Mater Dei biex issirlu operazzjoni. Miegħu jgħixu tliet persuni
  • Ħaddiem tas-saħħa ta' 30 sena. Kellu kuntatt mal-pazjenta oħra li rriżultat pożittiv. Sar contact tracing mal-kollegi u l-pazjenti
  • Persuna mill-Gambja, ta' 23 sena. Ilu jgħix Malta tmien xhur. Ma jgħix fiċ-ċentri u fil-fatt joqgħod ma' persuna oħra li tinsab fi kwarantina

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fakkret fil-miżuri mħabbra lbieraħ u appellat għall-koperazzjoni. ​Fost dawn fakkret li hija tat l-awtorità lill-Pulizija biex iwaqqfu persuni li huma miġbura ma' xulxin fi gruppi ta' ħamsa jew aktar.

Saħqet li l-Pulizija, minn dalgħodu, diġà bdiet bir-rondi tagħha.

Ħeġġet ukoll lill-persuni l-aktar vulnerabbli biex isegwu l-miżuri l-ġodda u ma joħorġux mid-dar tagħhom. Persuni b'mard kroniku u anke l-anzjani li għandhom 'il fuq minn 65 sena, issa jinsabu taħt lockdown. 

Fakket biex jekk dawn għandhom xi appuntamenti importanti ta' kura medika, imorru xorta waħda għalihom għax il-kura tagħhom hija importanti.

Dwar dawk li jgħixu mal-anzjani, jew persuni oħra vulnerabbli, ħeġġithom biex ma joħorġux u biex min iħaddimhom jipprovdi l-opportunità biex dawn jaħdmu mid-dar biex lanqas għax-xogħol ma jkun hemm bżonn joħorġu. 

Aqra hawn id-dettalji dwar min ma jistax joħroġ mid-dar.

'Jista' jkun hemm aktar persuni li għadhom ma resqux għat-testijiet'

Dwar il-fatt li għal jumejn fuq xulxin, l-għadd tal-każi kollha kienu baxxi, Charmaine Gauci reġgħet ħeġġet biex kulħadd iżomm saqajh mal-art għax, fi kliemha, din tista' ma tkunx l-istampa kollha.

Fi kliemha, probabbli li hemm aktar pazjenti li għadhom ma marrux għat-testijiet.

Spjega kif jista' jkun hemm persuni li għandhom sintomi ħfief u għalhekk ikunu għadhom ma ressqux għat-testijiet.

Kien għalhekk li appellat biex min iħoss is-sintomi iċempel minnufih il-numru 111 u jżomm id-distanza minn persuni oħra, speċjalment persuni li huma vulnerabbli.

More in Politika