L-IĠM jappella lill-Gvern biex il-ħaddiema kollha fil-ġurnaliżmu igawdu mill-miżuri mħabbra mill-Gvern

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin spjega kif id-dħul għall-kmamar tal-aħbarijiet naqas drastikament, bid-dħul tal-ġurnalisti tagħna jinsab fil-periklu

F’ittra li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin bagħat lill-Prim Ministru, appella lill-Gvern biex jassigura li l-ħaddiema kollha fil-qasam tal-ġurnaliżmu, inkluż il-freelancers, igawdu mill-miżuri finanzjarji mħabbra mill-Gvern u li xogħolhom ikun protett. 

Fi stqarrija, l-Istitut saħaq li meta l-parti l-kbira tal-postijiet tax-xogħol huma magħluqa minħabba dak li sejjaħlu bħala “shutdown parzjali,” ir-reklamar fil-gazzetti u l-mezzi tax-xandir qed jonqos b’mod drastiku. 

Apparti minn hekk, anke għax ħafna nies qed jobdu u jibqgħu d-dar, il-bejgħ tal-gazzetti naqas ukoll.

Għalhekk, id-dħul għall-kmamar tal-aħbarijiet, li jimpjegaw magħhom ġurnalisti, naqas drastikament, bid-dħul tal-ġurnalisti tagħna jinsab fil-periklu.

Apparti minn hekk, hawn grupp ta’ ġurnalisti u fotografi li huma freelancers, jaħdmu għal rashom li d-dħul tagħhom naqas drastikament ukoll inkluż għax waqfu l-attivitajiet sportivi, soċjali jew attivitajiet tal-massa li minnhom jiddependi ħafna mid-dħul ta’ dawn il-ġurnalisti.

“Xogħol, il-ġurnalist huwa wieħed essenzjali f’soċjetà demokratika. Mingħajr il-ħidma tal-ġurnalisti, il-poplu ma jistax jinżamm infurmat dwar dak li qed isir fil-pajjiż,” saħaq l-Istitut. “Anke l-Gvern għandu bżonn l-appoġġ u l-għajnuna tal-ġurnalisti biex iwassal il-messaġġ lill-poplu tiegħu.”

Waqt li rrikonoxxa diversi miżuri li ħabbar, l-Istut insista li mhuwiex ċar jekk il-ġurnalisti, inkluż il-freelancers, hux se jibbenefikaw minnhom.

Temm jisħaq li f’diversi pajjiżi, partikolarment dawk Ewropej, il-ġurnalisti kollha, qed isiru għajnuna għall-gvernijiet rispettivi tagħhom.

More in Politika