Multa ta' €10,000 għal min għandu l-coronavirus u jikser l-ordni ta' iżolament

Diversi pazjenti mhux qed ikun hemm bżonn jidħlu l-isptar u għalhekk qed jitpoġġew taħt iżolament fid-dar tagħhom stess

Persuni li għandhom il-coronavirus u li huma ordnati li joqogħdu f’iżolament fid-dar tagħhom jekk jinqabdu jiksru din l-ordni se jeħlu multa ta’ €10,000 kull darba.

Dan tħabbar illejla, hekk kif ilbieraħ, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif il-maġġoranza tal-pazjenti bil-coronavirus sa issa, mhux qed ikun hemm bżonn li jingħataw il-kura fl-isptar u għalhekk qed ikunu ordnati jibqgħu d-dar tagħhom f’iżolament, minn fejn xorta waħda jingħataw il-kura u jkunu taħt osservazzjoni medika.

Sa issa, il-persuni kollha li jinsabu taħt kwarantina obbligatorja, qed jeħlu €3,000 kull darba li jinqabdu jiksruha.

Issa se tkunu introdotta l-multa ta'€10,000 għal dawk il-pazjenti li jirriżultaw pożittiv għall-Covid-19, suppost ikunu f'iżolament, iżda jinqabdu jiksru din l-ordni waqt l-ispezzjonijiet li qed isiru fid-djar.

Aktar qabel, il-Parlament iddiskuta dawn l-emendi, li tressqu mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa. Il-Whip tal-Gvern, Glenn Bedingfield qal li ntlaħaq qbil mal-Oppożizzjoni biex kemm it-tieni qari u anke t-tielet qari ta’ dan l-abbozz isiru għada stess.

Sa issa, ingħataw 25 multa wara li persuna nqabdu jiksru l-kwarantina obbligatorja.

Franċiż weħel xejn inqas minn €3,000 wara li nqabad jikser il-kwarantina obbligatorja tliet darbiet.

More in Politika