Aġġornata | Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar jikteb lill-PA biex ma tkomplix bil-laqgħat

Minkejja r-restrizzjonijiet imħabbra mill-awtoritajiet il-membri tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar intalbu jattendu laqgħa biex jiddeċiedu dwar żewġ proġetti għal bini ta’ torrijiet

F'ittra mibgħuta lill-Awtorità tal-Ippjanar u anke lill-Ministru responsabbli, Aaron Farrugia, il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, ordna lill-Awtorità biex sakemm jibqgħu fis-seħħ il-miżuri b'rabta mal-Covid-19, ma ssir l-ebda laqgħa tal-bord hekk kif dawn iridu jsiru fil-pubbliku skont l-Att tal-Iżvilupp u l-Ippjanar.

Insista li jekk l-Awtorità tal-Ippjanar tkompli bil-laqgħat u d-deċiżjonijiet tagħha, dan se jkun qed ipoġġi "dubji serji" fuq il-validità tal-istess deċiżjonijiet.

L-ittra mibgħuta mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar
L-ittra mibgħuta mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar

Aktar qabel:

Il-membri tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar intalbu jattendu laqgħa biex jiddeċiedu dwar żewġ proġetti għal bini ta’ torrijiet u dan minkejja li mhux permess jinġabru gruppi ta’ persuni minħabba r-riskju tat-tixrid tal-coronavirus.

Il-laqgħa mistennija ssir nhar il-Ħamis li ġej minkejja li l-Awtorità tal-Ippjanar iddeċidiet, il-ġimgħa li għaddiet, biex tissospendi l-laqgħat kollha.

Matul din il-laqgħa mistennija jkunu diskussi u tittieħed ukoll deċiżjoni fuq il-bini ta’ torri ta’ 14-il sular f’Ta’ Xbieb u bini ta’ torri ta’ 18-il sular f’Tigne.

Mistennija tiddeċiedi wkoll dwar is-sanzjonijiet mitluba għal żewġ proġetti kbar ta’ skavar fil-Qawra.

Intant, fi stqarrija aktar tard, l-Awtorità tal-Ippjanar, filwaqt li kkonfermat li se tkun qed issir l-laqgħa, saħqet li din qed issir skont l-istruzzjonijiet li qed jingħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa.

"Id-deċiżjoni dwar il-laqgħa li jmiss tal-bord, se tkun ikkommunikata mill-aktar fis," kompliet l-istqarrija.

L-Awtorità tal-Ippjanar bidlet ukoll id-deċiżjoni tagħha li se twaqqaf il-laqgħat kollha, hekk kif ħabbret li dawk il-każi li dwarhom ma kien hemm l-ebda deċiżjoni, se jkunu qed jinstemgħu xorta bis-saħħa ta' video conferencing.

More in Politika