‘Il-Gvern għandu jkun realistiku, drastiku u straordinarju f’dak li jħabbar ...’

Ftit wara li l-Gvern ħabbar pakkett ta’ miżuri biex jgħin lin-negozji u lill-ħaddiema milquta ħażin mill-imxija tal-COVID-19, il-gazzetta ILLUM tpoġġi bilqiegħda mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, Mario de Marco u tistaqsih dwarhom. Dawn biżżejjed? X’seta’ ppropona aktar il-Gvern? Se nsolvu l-problemi?

Mario De Marco
Mario De Marco

Dawn huma żminijiet straordinarji li jirrikjedu miżuri straordinarji.” Hekk beda jwieġeb mal-gazzetta ILLUM il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, Mario de Marco meta din poġġiet miegħu biex tiddiskuti l-pakkett finanzjarju li l-Gvern ħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa biex, fi kliemu, jgħin lin-negozji u lill-ħaddiema biex jilqgħu għall-impatt ekonomiku negattiv li l-imxija tal-Covid-19 ġabet magħha. De Marco kien ċar u tond fl-opinjoni tiegħu dwar dawn il-miżuri u insista li “l-miżuri ma jindirizzawx il-vera problema.”

Spjega kif bla dubju ta’ xejn, l-aktar settur li qed ibati minn dan kollu huwa s-settur tat-turiżmu u dawk is-setturi l-oħra kollha li huma relatati miegħu.  

“Il-lukandi mhux qed ibatu min-nuqqas ta’ turisti. Fil-lukandi ma hemmx turisti. Prattikament bħalissa għandna l-lukandi vojta,” insista de Marco. “Il-problema tal-lukandi, ristoranti, kafetteriji u oħrajn bħalissa hija l-pagi tal-ħaddiema tagħhom. Jekk għandek 10, 50, 100 jew 200 impjegat, l-uġigħ ta’ ras tal-impjegaturi hija kif se jżommu lil dawk il-ħaddiema. Għandek id-dħul wieqaf iżda trid tibqa’ toħroġ kif kont toħroġ qabel.”

Fi kliem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni, hemm min forsi għandu r-riservi u allura issa huwa l-mument li jużahom, iżda ħafna ma għandhomx għax ikunu investew. “Ir-rata tal-imgħax fl-aħħar snin kienet baxxa. Allura ħafna kumpaniji investew fil-prodott tagħhom, żiedu s-sulari, għamlu manutenzjoni u ħafna affarijiet oħra,” insista de Marco waqt li tenna li l-uġigħ ta’ ras immedjata hija kif se jkomplu jħallsu l-pagi tal-ħaddiema, issa li kollox huwa wieqaf.

‘Anke jekk insolvu l-problema f’Malta, kollox jiddependi minn pajjiżi oħra’

Iżda hemm problema oħra li wieħed jeħtieġ li jagħti kas. Din hija sitwazzjoni ġdida u ħadd ma jaf kemm se ddum, jekk hux ġimgħa, ġimgħat, xhur, sas-sajf, sa wara s-sajf, sal-aħħar tas-sena jew aktar.

“Anke kieku kellna nsolvu l-problema hawn f’Malta. Anke kieku kellna nqumu għada u ma jkollniex pazjent wieħed bil-coronavirus, nafu li l-industrija tagħna mhijiex ibbażata fuq turiżmu intern, iżda fuq it-turiżmu internazzjonali u għalhekk kollox jiddependi mill-pajjiżi l-oħra minn fejn inġibu t-turisti. Aħna xorta waħda se nkunu affettwati mil-lockdown internazzjonali anke jekk ma jkollniex lockdown nazzjonali,” kompla de Marco.

Kien hawn li saħaq li l-miżuri li ħabbar il-Gvern ma solvew l-ebda problema. Fi kliemu, ħadd ma jrid ikeċċi lill-ħaddiema, għax kull impjegatur ikun investa fihom, inkluż fejn jidħol it-taħriġ, iżda fl-istess waqt ħadd ma jiflaħ pagi mingħajr dħul ta’ xejn. “L-aktar ħaġa li kellna bżonn kienet għajnuna fuq il-ħlas tas-salarji biex hekk l-ebda ħaddiem ma jitlef xogħlu,” insista de Marco.
‘L-impjegatur se jibqa’ jġorr 80% tal-piż tas-salarji’

Hawn il-gazzetta ILLUM tfakkru li l-Gvern ħabbar ukoll miżuri biex jissussidja l-ħlas ta’ dawk il-ħaddiema li jaħdmu f’setturi jew negozji milquta ħażin, iżda mill-ewwel insista li dan mhuwiex biżżejjed, aktar u aktar meta wieħed iħares lejn dak li għamlu pajjiżi oħra.
De Marco beda jwieġeb billi ħares lejn dak li kien qed ikun propost, inkluż il-Kamra tal-Kummerċ li pproponiet li l-Gvern jissusidja sa nofs is-salarji bbażat fuq paga medja. Paga medja fis-settur tat-Turiżmu hija ta’ madwar €1,500 fix-xahar. Kompla jisħaq li dan huwa fl-istess linja ta’ dak li qiegħed isir f’pajjiżi oħra. Semma, pereżempju, id-Danimarka, fejn il-Gvern issussidja sa 75% tal-pagi.

“Fi Franza qed jgħidu li l-ebda ħaddiem mhu se jitlef ċenteżmu mill-paga tiegħu. L-Italja wkoll. Ir-Renju Unit ukoll se jipprova jagħmel l-istess ħaġa,” insista de Marco.

Mill-banda l-oħra, kompla jispjega, għandek il-Gvern Malti li se jkun qed jagħti jumejn f’ġimgħa xogħol ibbażata fuq paga ta’ €800 (li hija l-paga minima) meta għandek il-paga medja fis-settur li hija ta’ €1,500 fix-xahar.

“Mela dan ifisser li l-Gvern qed joffri biss €320 fuq paga medja ta’ €1,500, li jekk tikkalkula tfisser madwar 20% tas-salarju. Dan ifisser li l-lukanda li ma għandha l-ebda dħul, x’aktarx għal xhur, se tibqa’ tnaqqas l-ispejjeż. Jekk l-impjegatur se jibqa’ jġorr 80% tal-piż tas-salarji tal-ħaddiema tiegħu, ifisser li dawn se jkollhom jibdew jieħdu deċiżjonijiet diffiċli,” insista de Marco waqt li saħaq li din mhijiex l-opinjoni tal-Oppożizzjoni biss iżda anke tal-korpi Kostitwiti, inkluż il-Kamra tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Ristoranti (MHRA) u anke tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA).

‘Jekk tagħsar l-€1.8 biljun jibqa’ ħafna inqas’

Kien hawn li de Marco insista li anke jekk il-Gvern “b’ħafna pompa” qal li qed iħabbar pakkett ta’ €1.8 biljun, meta tagħsru, se jkun qed jagħti ħafna inqas.

Spjega kif, €700 miljun minnhom huma sospensjoni ta’ taxxa għan-negozji, liema taxxa trid titħallas lura. “Anke hawn. Qed titkellem fuq taxxa meta qed tassumi li hemm profitt. Jekk ma hemmx profitt ma għandekx xi tħallas lura,” kompla de Marco.

Apparti minn dawn, kompla jispjega kif €900 miljun huma garanziji bankarji. “Jekk tmur għand il-bank biex tissellef il-flus, il-Gvern se jiggarantilek, mhux is-self kollu, iżda sa 20% ta’ dak is-self. Għidli bħalissa liema bank se jkun qed jagħti self lil kumpanija li għaddejja minn kriżi, meta għandu garanzija biss ta’ 20%,” kompla jispjega l-Kelliem tal-Oppożizzjoni.

Fi kliemu, dan ifisser, li realistikament, bħala injezzjoni ta’ flus, il-Gvern qed jagħti biss €175 miljun, għax trid tneħħi wkoll €35 miljun li sejrin lejn is-settur tas-saħħa.

“Aħna xtaqna naraw aktar miżuri kuraġġużi drastiċi biex jissalvagwardjaw lil pajjiżna. Fl-aħħar mill-aħħar, min iħaddem u min jaħdem, huma żewġ naħat tal-istess minuta. Jekk se ngħinu lin-negozji, se ngħinu wkoll lill-ħaddiem u viċi-versa. Allura rridu naraw dawn il-miżuri li jgħinu lin-negozji jħallsu u jissussidjaw il-pagi, bħala għajnuna diretta lil min hu impjegat. Għax din, minn kriżi ta’ saħħa se ssir ukoll kriżi ekonomika u finanzjarja,” insista de Marco.

‘Il-Gvern huwa rrassenjat li se nitilfu x-xogħol’

Iżda l-ILLUM fakkret ukoll lil de Marco f’miżuri diretti għal dawk li jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom f’dan il-mument, bil-Gvern iħejji fond biex dawk li jispiċċaw bla xogħol jieħdu €800 fix-xahar.

“Il-Gvern huwa rrassenjat li se nitilfu x-xogħol. Mentri aħna rridu naraw kif lill-ħaddiem se nsalvawlu x-xogħol. Il-ħaddiem ma jridx li jitlef xogħlu, jerġa’ jsib xogħol u jibda kollox mill-bidu. L-ideal huwa li jibqa’ mal-istess negozju fejn ilu jaħdem u minn dan igawdi wkoll min iħaddem,” insista de Marco.

‘Ma nistgħux naħsbu bħal pajjiżi oħrajn’

Fakkar ukoll li s-settur tat-Turiżmu f’Malta jikkontribwixxi ħafna aktar lejn l-ekonomija ta’ Malta minn pajjiżi oħra. F’pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, il-kontribut huwa ta’ madwar 8%. F’Malta, mill-banda l-oħra, tikkontribwixxi għal madwar 20% tal-Prodott Domestiku Gross.

“Dan ifisser li ma nistgħux naħsbu bħal pajjiżi oħrajn, iżda rridu naħsbu b’mod differenti. L-impatt ekonomiku huwa ħafna akbar,” insista l-Kelliem waqt li insista li f’dan is-settur u dak tal-bejgħ bl-imnut, jaħdmu madwar 60,000 persuna. “Qed nitkellmu fuq ċifri enormi. Irridu ngħinuhom lil dawn in-nies. Irridu ngħinu lil din l-industrija li tat ħafna lill-pajjiż u issa wasal iż-żmien li aħna nagħtuha lura.”

‘Jekk irid, il-Gvern jiflaħ inaqqas il-kontijiet’

Mario de Marco qal ukoll li kien jistenna lill-Gvern joffri aktar miżuri diretti, inkluż traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Fakkar li l-Gvern seta’ jagħmel dan faċilment għax il-prezz taż-żejt huwa ħafna inqas.

“L-ironija hija li għall-kuntrarju tal-kriżi finanzjarja tal-2009, fejn il-prezz taż-żejt huwa ta’ 140 dollaru kull barmil, illum il-ġurnata huwa fil-livell ta’ kważi 20 dollaru kull barmil,” insista l-Kelliem tal-Oppożizzjoni. “Jekk irid, il-Gvern jaffordja li jnaqqas il-kontijiet. Dawn mhux se jaffettwaw biss lin-negozji, iżda anke lill-familji. Ladarba l-familji qegħdin id-dar, se jikkonsmaw ħafna aktar dawl u ilma.”

Kompla jisħaq li ħafna mill-familji Maltin, jaslu sal-aħħar tax-xahar mhux biss permezz tal-paga mix-xogħol ewlieni tagħhom, iżda anke permezz tad-dħul mill-overtime u l-part-time.

“Il-part-time spiċċa. L-overtime spiċċa. Kulħadd qed imur lura għall-paga bażika tiegħu,” insista de Marco u għalhekk tenna li l-Gvern kien messu jipproponi aktar miżuri diretti.

“Tkun qed tgħin il-likwidità tal-familji li kollha se jkunu milquta. L-ekonomija hija katina,” insista de Marco.

‘Il-Gvern iddeċieda li hu biss jifhem, hu biss jaf u hu biss iħabbar’

Kien hawn li tkellem ukoll dwar l-importanza tad-djalogu għax, fi kliemu, din hija kriżi nazzjonali. Saħaq li l-Gvern la qed jiddjaloga mal-Oppożizzjoni u lanqas mal-korpi kostitwiti u dan kien ikkonfermat fi stqarrija ċara li għamlet il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji.

“Il-Gvern iddeċieda li hu biss jifhem, hu biss jaf u hu biss iħabbar. Jiena għext il-kriżi tal-2008/9. Kont Segretarju Parlamentari responsabbli mit-Turiżmu. Konna niltaqgħu mal-Korpi Kostitwiti u l-istakeholders kważi kuljum. Kellek nuqqas fix-xogħol, nuqqas ta’ produzzjoni fil-manifattura, tnaqqis tat-turiżmu. Kien hemm lukandi u fabbriki li bdew jaħdmu fuq bażi ta’ erbat ijiem. Il-Gvern kien issussidja l-ħames jum. Hekk il-ħaddiem ma naqqasx id-dħul tiegħu,” saħaq de Marco.

Kien hawn li insista li l-Gvern donnu mhux jirrealizza li dawn huma ċirkostanzi straordinarji, li jirrikjedu miżuri straordinarji. “Il-Gvern donnu qed jilgħabha minn ġimgħa għal ġimgħa. Dawn iċ-ċirkostanzi ma jagħtukx il-lussu li tistenna ġimgħa ġimgħa. Ħafna negozji qed jieħdu d-deċiżjonijiet illum. Mhux se jistennew lill-Gvern biex jaraw x’se jħabbar il-ġimgħa d-dieħla,” kompla l-Kelliem. “Hemm paniku u wġigħ hemm barra. Il-Gvern għandu jkun realistiku, drastiku u straordinarju f’dak li jħabbar illum u mhux il-ġimgħa d-dieħla, għax il-ġimgħa d-dieħla se jkun tard wisq.”

‘Għawdex għandu bżonn pakkett ta’ għajnuna diretta’

L-ILLUM staqsietu wkoll fuq Għawdex anke għax il-Kamra tal-Kummerċ u l-Awtorità Għawdxija għat-Turiżmu appellaw lill-Gvern għal pakkett ta’ miżuri drastiċi indirizzati biss għal Għawdex. Il-Prim Ministru insista li Malta u Għawdex huma “gżira waħda.” X’jaħseb de Marco?

Ta raġun minnufih lill-Għawdxin, għax fi kliemu, id-dipendenza Għawdxija fuq it-Turiżmu, hija ogħla minn dik f’Malta. Spjega kif l-uniku differenza f’Għawdex hija li apparti t-turiżmu internazzjonali, in-negozji f’Għawdex jiddependi wkoll mit-turiżmu intern, li wkoll jinsab wieqaf.
“Anke l-Ministru għal Għawdex qal lill-Maltin biex ma jmorrux Għawdex jekk mhux għal affarijiet neċessarji,” fakkar de Marco. “Għawdex għandu bżonn pakkett ta’ għajnuna diretta.”

San Luqa u Karin Grech: ‘sa issa lanqas hemm sodda waħda lesta’

Qlibna d-diskors biex tkellimna dwar il-preparazzjoni tal-Gvern u l-fatt li f’Mater Dei qed jiżdiedu s-sodod f’żoni li qabel ma kinux jintużaw għal raġunijiet kliniċi bħall-canteen tal-istaff jew inkella l-klassijiet. Saħansitra anzjani nħarġu mid-dar tal-Gvern fl-Imsida biex anke din id-dar tkun lesta għal kull eventwalità. U l-isptar San Luqa? Dan ma setax intuża?

“L-isptar San Luqa suppost kien lest. Hemm tara l-għajb tal-kuntatt tal-VGH. Suppost illum dawn it-tliet sptarijiet huma lesti. Il-Gvern, l-istat, il-Poplu Malti, lill-VGH u issa lil Steward, lil dawn in-nies ħallasnihom. Sal-lum ħallasnihom madwar €240 miljun. X’għamlu bihom? San Luqa kif kien għadu. Karin Grech kif kien għadu .... Anke jekk tagħmel paragun. Mela lill-ekonomija Maltija l-Gvern qed jagħtiha €175 miljun u lil Steward tajnihom €240 miljun. Sa issa lanqas hemm sodda waħda lesta,” insista de Marco.

‘Irridu naħsbu kbir, irridu naġixxu llum u nagħmlu dan flimkien’

Fl-aħħar nett, de Marco tenna li dawn huma żminijiet straordinarji u kriżi li l-effetti tagħha se jkunu kbar. Insista li din lanqas ma tista’ tkun ipparagunata ma’ kriżijiet oħra.

“Kriżijiet oħra kellek tnaqqis fil-produzzjoni. Hawn kellna waqfien totali,” insista de Marco.

Temm jikkwota minn artiklu li qara dan l-aħħar u insista: “Irridu naħsbu kbir, irridu naġixxu llum u nagħmlu dan flimkien. Meta tieħu deċizjonijiet flimkien, hemm ir-responsabbilità kollettiva. Dan mhux żmien il-partiġġjaniżmu.”

More in Politika