GWU, UĦM, MHRA, FATTA u GRTU lill-Prim Ministru: 'Għinna qabel ikun tard wisq'

Il-GWU, l-MHRA, il-GRTU, il-FATTA u l-UĦM mal-ILLUM iwissu li jekk il-Gvern mhux se jħabbar miżuri ġodda se jibdew jingħalqu n-negozji u jintilfu l-impjiegi, speċjalment fit-turiżmu, fir-ristoranti u d-divertiment!

"Se jegħreq it-turiżmu u se jegħreq kulħadd miegħu." Hekk hija l-analiżi tal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Andrew Agius Muscat, mal-ILLUM, li wissa illi jekk ma jsir xejn fil-ġranet li ġejjin il-lukandi wkoll se jibdew jagħlqu kollha. Dan jagħmel il-qagħda tat-turiżmu waħda aktar imwiegħra u l-impjiegi aktar f'periklu.

Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union ukoll għamilha ċara li s-sitwazzjoni hija "fluwida" u li hemm bżonn ta' għajnuna diretta biex jitħallsu l-pagi.

Josef Vella mill-UĦM Voice of the Workers qal illi diġà pajjiżna għandu kriżi ta' saħħa u ma jistax ikun iżid kriżijiet oħrajn magħha.
Iain Tonna mill-Federazzjoni tal-Ivjaġġar qal mal-ILLUM illi jekk il-Gvern ma jiħux miżuri propizji, nofs l-aġenziji jkollhom jagħlqu u jkomplu jintilfu l-impjiegi.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

"Bażikament kull kumpanija qed tieħu d-deċiżjonijiet tagħha... u ma neskludux li jintilfu l-impjiegi b'mod temporanju."
Mal-ILLUM ukoll tkellem Philip Fenech mit-Taqsima tat-Turiżmu u Divertiment tal-General Retailers and Traders Union (GRTU) li għamilha ċara illi bil-miżuri mħabbrin sa issa n-negozji żgur li mhux se jkunu jistgħu jsalvaw sa xahrejn, anke dawk li għandhom riserva."

Hemm bżonn miżuri ġodda...

Dawk kollha li tkellmu mal-ILLUM kienu negattivi dwar il-miżuri li ħabbar il-Gvern f'dak li sejjaħ mini-baġit.

"Qed iċempluli n-nies il-ħin kollu, negozji żgħar u kbar.  Ġie negozjant ikellimni għadu kif għamel refurbishment. Bid-dmugħ f'għajnejhom jiġu jkellmuni għax l-aħħar li jridu huwa li jagħlqu u jkeċċu nies." Hekk sostna Agius Muscat li qal illi l-pakkett li ppreżenta l-Gvern mhuwiex b'saħħtu biżżejjed biex jgħin lil min iħaddem iżomm lin-nies fix-xogħol. "Hemm min diġà qal illi se jkollu jagħlaq."

"Ilbieraħ kellna bżonn il-miżuri," jgħid Agius Muscat biex jissottolinea l-urġenza.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU ukoll kien ċar fi kliemu, illi dak li ħabbar il-Gvern mhux biżżejjed. "Meta ngħidu turiżmu rridu niftakru li hemm ħaddiema tal-kuntrattur li ma jkunux qed jitħaddmu direttament mil-lukanda u dawn l-ewwel li se jħossu d-daqqa."

"Allura le, fejn inti għandek dħul żero - bħal ristoranti u diversi negozji oħrajn - il-miżuri mhumiex biżżejjed," jisħaq Bugeja.
Min-naħa tiegħu Tonna jgħid lil din il-gazzetta illi l-miżuri li ħa l-Gvern "jidhru sbieħ fuq il-karta, imma fil-fatt mhumiex se jgħinu biex ma jintiflux l-impjiegi. Pereżempju l-Gvern ħabbar li jekk se tiftaħ l-post tax-xogħol u x-xogħol ikun naqaslek b'aktar minn 25% hu se jgħin billi jħallas jum wieħed biss għall-ħaddiem, meta jekk tagħlaq għax bilfors iħallas ta' jumejn.

"Anke kif se jiġi capped sa €800 f'xahar meta r-realtà hija li n-nies f'dan is-settur jaqilgħu d-doppju u ġieli aktar. Din l-għajnuna hija wisq ftit, meta aħna 70% tal-ispiża hija pagi."
Tonna kkritika wkoll id-differimenti tal-pagamenti tal-VAT u l-bolla. Huwa qal li l-VAT ladarba m'hawnx xogħol, mhux se jkun hemm xi tħallas u dwar il-bolla qal illi fil-verità li qed jiġri huwa li se tkun posposta l-problema għal żmien ieħor, biex meta tgħaddi l-kriżi min iħaddem isib kont daqsiex tal-bolla xi jħallas.

"Jekk il-Gvern mhux se jagħti aktar għajnuna, nofs l-aġenziji se jagħlqu."

Philip Fenech ippropona living wage, speċjalment għal dawk vulnerabbli biex kulħadd ikun jista' jgħix b'mod diċenti. Huwa qal ukoll li jara xenarju ta' skontijiet wara li din l-isfida tibda tonqos sabiex tingħata spinta l-ekonomija.

Id-Deputat President tal-GRTU Philip Fenech
Id-Deputat President tal-GRTU Philip Fenech

L-akbar biża': l-inċertezza!

Ħafna minn dawk li tkellmu mal-gazzetta qalu illi l-akbar problema hija l-inċertezza dwar id-durata ta' din il-kriżi li mistennija ddaħħal lid-dinja, u probabbilment anke lil Malta f'riċessjoni.

Agius Muscat saħaq li l-agħar huwa li "ma nafux meta se tgħaddi din." Se ttina rasna."

Bugeja wkoll qal illi jifhem illi l-Gvern jista' jkun aktar kawt għalissa għax ma jafx kemm se ddum il-problema. "Il-problema hija li ma nafux kemm se ndumu u allura forsi l-Gvern jixtieq idaħħal il-miżuri biċċa, biċċa."

Anke Fenech isostni illi din hija l-akbar problema, li ħadd ma jaf meta se tintemm din il-kriżi.

"Aħna qed nittamaw li jkun proċess parallel u li malli nibdew ħerġin aħna jibdew ħerġin minnha pajjiżi oħra," qal Fenech filwaqt li fakkar illi mhux biżżejjed tirkupra Malta għas-settur turistiku, iridu jirkupraw is-swieq li niddependu minnhom.

Iain Tonna (FATTA)
Iain Tonna (FATTA)

"Tippanikjawx. Għandkom id-drittijiet"

Intant ma' din il-gazzetta Iain Tonna jfakkar li kull min ibbukkja vaganza għandu d-drittijiet u huwa għalhekk li ħafna aġenziji għadhom qed jaħdmu fuq sigħat imnaqqsa, biex jirrispondu u jiggwidaw lil dawk li diġà huma bbukkjati.

Huwa jfakkar illi jekk ibbukkjajt tista' tbiddel id-data tal-vaganza jew inkella tikkanċella u tingħata l-flus lura tat-titijira. Jappella iżda għall-paċenzja hekk kif l-aġenzija tkun qed tistenna l-flus lura hi l-ewwel.


L-ILLUM titkellem ma' Julian Micallef. Sid ta' ħwienet tal-ħwejjeġ u aċċessorji ...

Kif affettwat u qed taffettwa x-xogħol fil-ħwienet tagħkom is-sitwazzjoni ta' bħalissa?

Is-sitwazzjoni preżenti hija diffiċli għal kulħadd. Aħna konna minn tal-ewwel li ħadna d-deċiżjoni, fit-12 ta’ Marzu li nagħlqu l-ħwienet tagħna immedjatament minħabba li s-saħħa tal-ħaddiema tagħna u anke tal-klijenti tiġi l-ewwel. Fhimna wkoll li f’ċirkostanzi bħal dawn għandna nevitaw il-kuntatt dirett kemm jista’ jkun biex innaqqsu l-imxija. B’hekk l-impatt tagħna kien wieħed kbir minħabba li minn bejgħ normali spiċċajna bi dħul ta’ żero.

Il-Gvern ħabbar numru ta' miżuri. Lilek se jolqtuk? Taħseb li huma biżżejjed? U jekk le, x'għandu jsir? 
Dawn huma ċirkostanzi straordinarji u nifhem li l-Gvern jinsab f’pożizzjoni diffiċli ħafna. Is-sitwazzjoni ekonomika tidher li ma tantx sejra sew u naħseb li l-punt tat-tluq għandu jkun distinzjoni bejn negozji kbar u negozji medji u żgħar. Wara li ħareġ sett ta’ miżuri għall-pagamenti tal-ħaddiema, minkejja li dan huwa ta’ benefiċċju, dan xorta jfisser li negozji żgħar bħal tagħna jridu jħallsu madwar 80% tal-pagi kif ukoll il-kirja tal-post li hija ta’ piż kbir. Dan ifisser li dawk il-proposti ħa jwasslu għal problema ta’ likwidità fi żmien qasir, meta tikkunsidra wkoll is-sitwazzjoni politika li l-pajjiż tagħna għadda minnha riċentement u l-impatt li dan kellu fuq l-ekonomija.
Waħda mis-soluzzjonijiet l-oħra li offra l-Gvern hi li nitgħabbew b’loans li jagħmel parti mill-garanzija għaliha hu stess, madankollu l-ammont irid jitħallas minna stess u fuqu rridu nħallsu wkoll l-interessi! Fit-tul m’hemm l-ebda garanzija li l-bejgħ ħa jerġa’ jkompli fejn ħallejna, għalhekk ir-riskju għal dawn il-loans jista’ jkun ta’ piż ikbar għal negozji żgħar bħal tagħna. Għalhekk nemmen li għandu jkun hemm pjan aktar ħolistiku u aktar fit-tul.

More in Politika